Illum, għal xi d-disgħa neqsin kwart ta’ filgħodu , il-Pulizija ġiet infurmata li qegħda issir serqa minn ħanut fi Triq il-Wied, Birkirkara.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post, għamlet spezzjoni u fuq wara tal-ħanut innotat li hemm bieb tal-ħġieġ imkisser kif ukoll xi ħadd fuq il-bejt. Għalhekk, issejħu sezzjonijiet differenti tal-Pulizija u flimkien daħlu ġol-ħanut u bdew jispezzjonaw kamra kamra f’kull sular.
Xħin waslu fit-tielet sular, instemgħu ħsejjes u ġew innutati passi li jwasslu għat-toilets. Ilpulizija segwew il-passi però nnutaw li l-bieb kien imsakkar minn ġewwa li jindika li kien hemm xi ħadd. Il-pulizija bdew jippruvaw ikellmu lil min kien wara l-bieb iżda wara ħafna tentattivi biex jikkopera ħadd ma fetaħ u għaldaqstant kissru l-bieb, u għall-ħabta tal-għaxra ġiet arrestata l-ewwel persuna.
Minħabba s-suspett li kien hemm iżjed nies ġewwa, il-Pulizija bdiet ukoll tara l-filmati talkameras tas-sigurtà u raw li l-arrestat ma kienx waħdu u hemm persuna oħra ġewwa.
Għalhekk komplew it-tfittxijiet sakemm il-kelb tal-Pulizija, Thor, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar immarka li hemm xi ħadd fis-suffett. Il-Pulizija imxew fejn immarka Thor, kissru biċċa mis-suffett u sabu lit-tieni persuna. Xorta waħda dan ipprova jaħrab imma ġie arrestat mill-ewwel.
L-arrestati, żewġt irġiel ta’ 37 u 25 sena t-tnejn residenti Birkirkara, ittieħdu l-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.