Il-Gvern Laburista jemmen bis-sħiħ f’soċjetà ġusta li tagħti l-istess ċans lil kulħadd. Mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed, filwaqt li mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista ma tafx.
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, li ġiet indirizzata mill-President tal-Partit, Ramona Attard, u mid-Deputat Naomi Cachia. Il-konferenza saret l-għada li fil-Parlament beda d-dibattitu dwar l-emendi fil-liġijiet tal-IVF.
Il-President tal-Partit Laburista fakkret li waħda mill-proposti ewlenin tal-manifest elettorali Laburista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet kienet li l-liġi tal-IVF tiġi emendata fl-ewwel mitt jum tal-Gvern il-ġdid.
Din il-liġi se tindirizza fost l-oħrajn il-bżonnijiet ta’ dawk li għamlu ċikli ripetuti ta’ IVF li ma kinux suċċess, kif ukoll ta’ persuni b’kundizzjonijiet ġenetiċi serji li jaffettwaw il-vijabilità tal-embrijun jew inkella l-ħajja tat-tarbija, speċjalment f’każijiet meta jkun hemm ftit xhur ta’ ħajja minħabba dawn il-kundizzjonijiet.
Attard qalet, “Dawn l-emendi jfissru aktar ħajjiet. Dawn l-emendi jirriflettu wkoll id-diskussjoni li l-Partit Laburista kellu ma’ min qed jistenna dawn il-bidliet sabiex isir ġenitur. Uħud minn dawn il-persuni qatt mhu se jitkellmu fil-pubbliku, iżda tkellmu magħna u tkellmu magħna anki wara d-dibattitu tal-bieraħ.”
Hija nnutat li, min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista se jkun assenti u se jimbotta l-biża’ dwar dan is-suġġett.
Ramona Attard innutat li proposta numru mija u sitta (106) tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista kienet tgħid li, li kieku tela’ fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista kien se jħallas għal dawk li jmorru jagħmlu l-IVF barra minn Malta. Madankollu, għax il-Partit Laburista qiegħed jimbotta ’l quddiem il-proposta li dan it-trattament isir bla ħlas f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet kontra.
Min-naħa tagħha, id-deputat tal-Gvern Naomi Cachia rrimarkat li l-politika tal-Partit Laburista ġġib bidla pożittiva. Osservat kif dawn l-ewwel jiem ta’ din il-leġiżlatura reġgħu wrew forzi politiċi bi prijoritajiet differenti. Il-Partit Laburista baqa’ ffukat fuq kif se jirriforma biex f’pajjiżna kulħadd jingħata l-istess oportunitajiet. B’hekk tonqos it-tbatija, filwaqt li jkun hemm l-opportunità għal iżjed ħajjiet u, fuq kollox, għal iżjed kuntentizza.
Cachia stqarret, “Dawn il-bidliet kuraġġużi mhux biss jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti, imma anki ta’ dawk futuri; emendi illi se jagħmluha possibli biex uliedna stess ikollhom l-opportunità illi jsiru ġenituri.”
Din ir-riforma hija turija ċara tal-impenn li għandu l-Partit Laburista biex l-elf proposta fil-manifest elettorali tiegħu jinbidlu f’elf kisba.