L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal iddikjara li huwa favur l-emendi proposti fil-liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijuni; u fissirhom bħala pont li se jwassal persuni minn kwalunkwe ġeneru biex jaċċessaw il-proċess tal-IVF mingħajr tbatija żejda.
Fi stqarrija l-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli fissret kif ma’ din il-liġi hemm marbuta tlett drittijiet fosthom il-ħajja u s-saħħa; dan hekk kif l-emendi qed jipproponu li mhux biss il-proċess ikun ta’ suċċess akbar imma qed jagħti aktar ċans sabiex dawn l-embrijuni jibqgħu ħajjin ħalli b’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw f’wild aktar b’saħħtu.
Il-jedd tal-identità qed jixhed kif l-għan prinċipali wara dan l-Att huwa li jippromwovi kif ukoll iħares l-identita’ primarja tal-wild u fl-istess waqt qed jassigura li l-ulied li jiġu kkonċeputi permezz ta’ intervent mediku jitqiesu bħala l-ulied naturali tal-ġenituri irrispettivament mi-relazzjoni bijoloġika.
Il-Kummissarju għat-Tfal qalet li l-emendi proposti f’din il-liġi ser joffru l-aħħar tama lil dawk il-persuni li għal xi raġuni ma jistax ikollhom it-tfal għax l-Att qegħdin joffru l-possibilità li dawk l-embrijuni li ma jintużawx mill-ġenituri prospettivi jingħataw għall-adozzjoni. B’din tal-aħħar isseħħ malli jkun assigurat li dan il-proċess ser jiggarantixxi ġejjieni aħjar għat-tarbija li għandha kull jedd li titrabba b’għożża f’ambjent stabbli u sigur.
Sadanittant, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun ċaħdet l-allegazzjoni li saret mill-Professur Pierre Schembri Wismayer fuq il-media soċjali fejn allega li setgħet tbagħbset xi statistika ppublikata fir-rapport annwali mħejji minnha dwar ir-rata ta’ suċċess ta’ trattament tal-IVF f’Malta- dan sabiex tiffavorixxi l-emendi fil-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
B’risposta l-Awtorita’ qalet li f’ebda ħin ma kien hemm tibdil u wisq anqas tbagħbis sabiex tiffavorixxi l-emendi. Żiedet li l-informazzjoni kollha hija reali u msejasa fuq proċeduri approvati u li ġew irrapportati mill-kliniċi liċenzjati f’Malta.
Fakkret kif minn kemm ilha li twaqqfet sal-lum il-ġurnata, kien hemm ħames embrijuni ffriżati u li l-ebda minnhom ma nqatel. Saħqet li minn dawn il-ħamsa, tnejn minnhom ġew trasferiti fl-omm prospettiva filwaqt li t-tlieta l-oħra għadhom iffriżati fl-Isptar Mater Dei.
Fl-istqarrija, l-Awtorità appellat sabiex tinżamm il-kawtela fuq dak kollu li qed jingħad b’mod partikolari dwar il-koppji- li preżentament hawn waħda minn kull sitta li qed ikollhom jagħżlu li jagħmlu dan it-trattament minħabba problemi tal-infertilità, kif ukoll sabiex ikun hawn sens ta’ rispett lejn tfal Maltin imnissla permezz ta’ dawn il-proċeduri.