Bl-ebda mod m’aħna se nappoġġjaw l-abbozz Brexit tal-Prim Ministru Theresa May. Hekk qal il-Partit Unjonist Demokratiku tal-Irlanda, id-DUP, li żied jgħid ukoll li jinsabu inkwetati ferm dwar x’jista jfisser dan il-ftehim għall-Irlanda.
Dan minkejja li fl-aħħar jiem, id-DUP kellu diversi laqgħat mal-Prim Ministru May biex din tal-aħħar tipprova tikkonvinċihom jappoġġjaw il-ftehim tagħha.
Intant, May għadha qed tipprova tikseb assigurazzjoni legali mill-Unjoni Ewropea, iżda qalet li n-negozjati mhux se jerġgħu jinfetħu.
Ir-Renju Unit mistenni jitlaq uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu.