Sophia Grech twieldet Malta, u emigrat flimkien ma’ missierha, Malti, lejn l-Ingilterra meta kienet għadha żgħira.
Għal dawn l-aħħar 25 sena kisbet fama internazzjonali bħala mezzosopran, minkejja diżabilità li tgħix biha – dik tal-awtiżmu.
F’intervista ma’ ONE News, hija tkellmet dwar kif ħassitha meta, tmien snin ilu, sabet li kellha l-awtiżmu, li jkopri firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet ikkaratterizzati minn sfidi li l-persuna jkollha bil-ħiliet soċjali, bi mġiba repetittiva, bid-diskors, u bil-komunikazzjoni mhux verbali.
“Sibt li kelli l-awtiżmu fl-2015 u, għall-ewwel, verament kien xokk, imma mbagħad, attwalment, tatni ċertu serħan għax fhimt għaliex ħajti hi kif inhi – għaliex it-tfulija tiegħi u l-lezzjonijiet kienu tant ebsin. Tgħallimt kif ikolli karriera waqt li ngħix bl-awtiżmu.“
Hija qalet li hemm nies li, għax fiha ma jaraw l-ebda diżabilità fid-dieher, ma jemmnux li hija awtistika. Hija tippreċiża li bniedem awtistiku mhux bilfiors ikun jidher li hu hekk mal-ewwel daqqa t’għajn. Fil-fatt, il-livell tal-awtiżmu tagħha huwa pjuttost ’il fuq fl-iskala. Madankollu, hija rnexxielha tiskopri modi kif timmaniġġja d-diffikultajiet.
“Sibt modi kif nindirizza d-diffikultajiet, li varjaw minn vjaġġar madwar id-dinja għal laqgħat ma’ nies – uħud minnhom f’karigi għoljin ħafna, rappreżentazzjonijiet fuq palkijiet kbar f’teatri operrsitiċi magħrufin, u d-direzzjoni tal-palk. Sibt kif nimmaniġġja dawn is-sitwazzjonijiet u, tul is-snin, sirt tajba qatigħ f’dan u rnexxieli nsib sistema. Illum naħdem tajjeb ħafna.”
Din ir-riċetta għas-suċċess Sophia Grech iddeċidiet li ma żżommhiex għaliha u, ftit snin ilu, ħarġet ktieb bl-Ingliż bl-isem ‘I Wish I Could Sing’ fi sforz biex tagħmel il-kant aċċessibbli u faċli għal kulħadd, inkluż għal dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Dan għamlitu bi twemmin sod fil-fatt li l-kant jgħin biex wieħed jemmen aktar fil-ħiliet tiegħu u jħossu aktar kunfidenti biex jiżviluppahom.
Ftit jiem ilu, dan il-ktieb, li hu miktub b’mod li faċli ssegwih u mimli disinji, inqaleb għall-Malti bl-isem ‘Nixtieq Naf Inkanta’.
“Il-kant huwa brillanti għal persuni b’diżabilità u b’ċerti kundizzjonijiet. Jista’ jgħinhom ħafna, kif għen lili, għax onestament ngħid li sibt il-vuċi tiegħi permezz tal-kant.”
Minkejja li ma titkellimx bil-Malti minħabba li għexet sa minn ċkunitha l-Ingilterra, xejn ma rnexxielu jxekkel lil Sophia Grech milli, minkejja l-isfidi, titgħallem il-lirika biex ħarġet album proprju bil-Malti, bl-isem ‘Mal-Kant tal-Baħar’.