Bil-qgħad jinżel fl-inqas livell fl-istorja ta’ pajjiżna, one.com.mt ħa l-kummenti taċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ JOBS Plus, Clyde Caruana.
Huwa spjega kif is-sena li għaddiet kienet waħda rekord u dan kien ġej minn bosta fatturi fosthom it-tkabbir ekonomiku bla preċedent.
“Dan il-livell, l-inqas livell fl-istorja ta’ pajjiżna kien possibli l-ewwel u qabel kollox minħabba t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna imma imbagħad ukoll grazzi għat-tibdil li sar fi ħdan il-korporazzjoni Jobs Plus, jiġifieri rajna kif nistgħu nkunu effiċjenti u effettivi bil-mod kif nilħqu lil min iħaddem, nifhmu l-ħtiġijiet tagħhom u eventwalment dawk il-ħtiġijiet imbagħad irridu naraw kif se nqabbluhom ma’ min qed ifittex ix-xogħol”.
Saħaq li għal din is-sena l-korporazzjoni responsabbli mill-qasam tax-xogħol mhux biss trid tibqa’ żżomm il-qgħad l-isfel imma tindirizza l-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jaħdmu u jixtiequ jtejbu l-qagħda tagħhom.
“Il-mira tagħna sintendi hija li ovvjament issa nżommu l-kolp f’dak li għandu x’jaqsam fl-inqas livell ta’ qgħad li laħaq pajjiżna imma rridu wkoll qabel xejn kif se nilħqu aktar employers biex nifhmu aktar l-ħtiġijiet tagħhom sabiex nassiguraw li anki aħna wkoll nilagħbu l-parti tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ir-ritmu ekonomiku imma wkoll irridu naraw kif se nilħqu aktar nies, nies li diġa qegħdin fix-xogħol, madanakollu qed jippruvaw isibu xogħol aħjar sabiex itejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom”.
Tul l-intervista, iċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ JOBS Plus tkellem dwar diversi sfidi fosthom dawk li qed iħabbtu wiċċhom magħhom min iħaddem.
Saħaq li kull xahar, JOBS Plus tiltaqa’ ma’ madwar mija u ħamsin persuna li tħaddem in-nies.
Huwa temm jispjega kif iż-żidiet fil-pagi huma fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet fuq il-mejda u dwar dan qal li hemm prospetti sbieħ għal din is-sena wkoll.
“U propju waħda mill-affarijiet li jgħidulna huma illi sabiex ikomplu jżommu l-ħaddiema li għandhom jew jattiraw oħrajn ser ikollhom iżidu l-pagi. Għaldaqstant qed nantiċipaw illi filwaqt li l-ħolqien tax-xogħol ser ikompli fix-xhur u s-snin li ġejjin, l-istess ukoll fiż-żieda tal-pagi ser tkompli fix-xhur u s-snin li ġejjin”.