B’Kap Nazzjonalista fi kriżi, li lanqas fi ħwejjeġ tal-Partit tiegħu stess ma’ jista’ jidħol, bħal meta ma tħalliex jidħol fis-sede tal-Każin tiegħu fil-Ħamrun, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija b’allegazzjonijiet marbuta mal-aħħar elezzjoni ġenerali, li fiha sofra l-ikbar telfa fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan intqal mill-Partit Laburista fi stqarrija, fejn tenna li l-elezzjoni ġenerali tiġi organizzata mill-Kummissjoni Elettorali, fejn hemm rappreżentanza taż-żewġ partiti u bi skrutinju kontinwu, inkluż minn uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista nfushom.
Il-Partit Laburista qal li wieħed jinnota li din mhux l-ewwel darba li fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista għamel allegazzjonijiet simili b’rabta mal-elezzjonijiet. Kulħadd jiftakar lill-Partit Nazzjonalista jgħid li d-dokumenti tal-vot kienu qed jitħassru.
Lanqas hi l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu allegazzjonijiet ta’ ħaddieħor, biex imbagħad spiċċa skreditat bħall-allegazzjoni nnifisha.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista sofra l-akbar telfa fl-istorja, għax il-poplu Malti fehem il-pjan tal-Partit Laburista. Il-poplu fehem ukoll li l-Partit Nazzjonalista ma nbidilx u reġa’ m’offra xejn konkret għal pajjiżna.
Ħasra li, minn dakinhar, il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidilx u għadu juża l-istess tattiċi u l-istess attitudni, li sal-lum għadha ma wasslitu mkien.
“Il-Partit Nazzjonalista hekk: jew jivvinta inkella jwaħħal fil-poplu li għażel ħażin”, temm jgħid il-Partit Laburista fl-istqarrija.