F’7 snin Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat ittrasforma lil Għawdex f’mutur ekonomiku li wassal għal ħolqien tax-xogħol għall-Għawdxin stess.
Ir-ritmu ekonomiku ta’ qabel l-2013 kien dgħajjef bid-distakk ekonomiku u soċjali bejn iż-żewġ gżejjer kompla jiżdied.
B’kuntrast ċifri uffiċjali juru li t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex qed jaqbeż lil dak f’Malta. Il-prodott domestiku gross Għawdxi kiber bi 13% l-ogħla rata fl-istorja.
U għalhekk jekk f’Malta, taħt Joseph Muscat il-pass tat-tkabbir ekonomiku rdoppja, f’Għawdex hija 13–il darba dik fl-2012.
B’Muscat fit-tmexxija Għawdex ra wkoll bidla strutturali kbira. Il-valur miżjud tas-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huwa kważi tliet darbiet dak fl-2012, waqt li s-settur tas-servizzi professjonali u tekniċi huwa aktar minn ħames darbiet akbar.
Naqas is-sehem tal-amministrazzjoni pubblika u tal-kostruzzjoni, u kiber ħafna l-qasam tas-servizzi professjonali u tekniċi, indikazzjoni li l-kwalità tax-xogħol f’Għawdex qed titjieb.
Ressaq lejn Għawdex investiment ġdid, bil-ftuħ tal-iskola medika ta’ Barts u Ċentru ta’ Innovazzjoni u Riċerka.
Kull ġimgħa żdiedu madwar 13-il Għawdxi b’impjieg. Ifisser li llum f’Għawdex hemm aktar minn 3,000 Għawdxi b’impjieg mill-2012. Fosthom elf u mitt ruħ fis-servizz professjonali, kważi 700 oħra fis-settur tal-bejgħ u t-turiżmu, madwar 150 aktar fil-manifattura, 180 aktar fis-servizzi kreattivi u 140 aktar fl-IT.
Irdoppja wkoll l-ammont ta’ vetturi li qasmu lejn Għawdex b’aktar minn kwart ta’ miljun Malti jagħżlu li joqogħdu Għawdex għal aktar minn lejl. Magħhom aktar minn 220,000 turist.
Il-qabża ekonomika f’Għawdex wasslet biex tjieb ħafna d-dħul tal-Għawdxin tant li ż-żieda fl-aħħar sena kienet kważi tliet darbiet dik tal-2012.
It-tkabbir ekonomiku laħaq ukoll lil dawk l-aktar vulnerabbli bl-Għawdxin fuq il-kotba tal-qgħad jonqsu minn 736 għal 153. Dawk fuq il-benefiċċji soċjali naqsu b’aktar minn 40% waqt li dawk f’riskju ta’ faqar waqgħu taħt is-16%.
Dawn ir-riżultati pożittivi jispjegaw għaliex b’maġġoranza qawwija l-Għawdxin appoġġjaw lill-Partit Laburista fl-elezzjonijiet li għaddew.
U Għalhekk il-legat ta’ Joseph Muscat f’Għawdex huwa l-bidu ta’ ekonomija ġdida b’investiment barrani, eluf ta’ impjiegi f’Għawdex għall-Għawdxin u spirtu ġdid ta’ intrapriża u tiġdid soċjali.