Il-Ġimgħa filgħaxija Bjorn Vassallo ġie konfermat bħala President tal-MFA hekk kif f’lukanda ewlenija fil-Floriana saret l-Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-futbol.
Bjorn Vassallo kien ikkontestat minn Robert Micallef b’Vassallo iġib total ta’ 62 vot filwaqt li Micallef ġab total ta’ 6 voti. Eleġibli jivvutaw kien hemm 69 klabb jew assoċjazzjoni membru filwaqt li voti validi kien hemm 68. Dan ifisser li Bjorn Vassallo se jkun qed jmexxi lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-futbol għal terminu ieħor li jiġi fit-tmiemu fl-2028.
Waqt lis-stess assemblea saret l-elezzjoni wkoll għal Viċi Presidenti tal-MFA fejn għal ewwel darba riedet tiġi eletta Viċi President mara. B’kollox riedu jiġu eletti tlett kandidati.
Eletta b’total ta’ 34 vot Dr Maria Azzopardi. Azzopardi kienet qed tiġi kontestat minn Dana Farrugia u Christabelle Chetcuti. Farrugia ġabet b’kollox 13 il-vot filwaqt li Chetcuti ġabet 22 vot.
Dr. Matthew Paris ġab total ta’ 59 vot filwaqt li kellna dwell interessanti bejn Adrian Casha u Dr Peter Fenech hekk kif fl-ewwel att iż-żewġ kandidati ġabu 19 il-vot kull wieħed. Dan kien ifisser li kellha ssir elezzjoni oħra bejn dawn it-tnejn biex eventwalment kien Adrian Casha li rebaħ b’total ta’ 36 vot.
Il-kontestanti l-oħra għal kariga ta’ Viċi President kienu Pierre Micelli u Dr Samuel Azzopardi b’Christabelle Chetcuti wkoll tingħaqad ma’ dawn tal-aħħar. Azzopardi ġab 15 il-vot, Chetcuti 12 il-vot filwaqt li Miceli ġab 5 voti.
Waqt lis-stess assemblea ingħata rikonoxximent il-Perit Ludovico Micallef li serva fil-kariga ta’ Viċi President għal dawn l-aħħar 26 sena.