Il-fondazzjoni ALS Malta bdiet twettaq il-ħidma tagħha minn uffiċini ġodda fil-Ħamrun .
Minn hawnhekk, il-fundatur tal-fondazzjoni Bjorn Formosa li għandu l-ALS se jkun jista’ jkompli jaħdem u jgħin lil dawk li bħalu huma morda b’din il-marda.
L-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru Joseph Muscat. Preżenti kien hemm ukoll is-Sinjura Michelle Muscat.
Il-post li qed topera minnu ALS Malta huwa maqsum f’żewġ sulari. F’sular minnhom hemm ħanut li jbigħ oġġetti għall-karità bħal kotba, ħwejjeġ, ġojjelerija u ġugarelli. Il-flus kollha se jmorru għal ALS Malta. Fis-sular l-ieħor hemm esebizzjoni artistika b’temi varji li qed jaħdmu fuqha l-artist Mark Mallia u artisti oħrajn.