Aktar kmieni dan ix-xahar Bjorn Formosa ngħata l-Premju taċ-Ċittadin Ewropew 2018 tal-ħidma tiegħu għall-komunità tal-ALS u l-kontribut kbir tiegħu lis-soċjetà. Il-Membri tal-Parlament Ewropew Marlene Mizzi u Miriam Dalli nnominaw lil Bjorn għal dan il-premju prestiġjuż – li huwa rikonoxximent li jingħata mill-Parlament Ewropew lil individwi u/jew gruppi li jkunu ddistingwew ruħhom billi ppromovew il-valuri Ewropej u spikkaw fil-komunità tagħhom. In-nomina ta’ Bjorn kienet appoġġjata wkoll mill-MEPs tal-PN.
Bjorn Formosa talab lill-MPE Marlene Mizzi biex tiġbor il-premju f’ismu waqt iċ-Ċerimonja tal- Premju taċ-Ċittadin Ewropew fi Brussell għax huwa ma setax jattendi minħabba l-operazzjoni serja li kien għadu kemm għamel.
L-MPE Mizzi qalet li tinsab “kuntenta li ssuġġerejt din in-nomina u ħdimt biex kienet suċċess u għalhekk kien ta’ unur għalija li ntlabt biex niġbor il-premju f’isem Bjorn. Bjorn huwa eżempju għalina lkoll għax xi kultant nieħdu l-aktar affarijiet sempliċi for granted. Huwa wera kemm hu altruwist u ma jaħsibx fih innifsu għax minkejja l-isfidi personali li għandu, Bjorn jaħseb fis-sitwazzjoni li jinsab fiha ħaddieħor, u kif jista’ jassisti u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tiegħu. Din hija xi ħaġa tassew notevoli! Kuntenta immens li l-altruwiżmu u l-entużjażmu tiegħu ġew rikonoxxuti u ppremjati mill-Parlament Ewropew.”
L-MPE Mizzi qalet li “rridu nassiguraw li nkomplu l-legat li ħalaq Bjorn u li qed ikompli jibni ta’ kuljum. L-ALS hija kundizzjoni li taħsad lil dak li jkun. Għalhekk irridu nkomplu nsibu modi ġodda li jtejbu l-kwalita tal-ħajja tal- pazjenti u ninvestu fir-riċerka biex insibu kura għal din il-kundizzjoni.”
Peress li Bjorn ħadem bla rażan biex iqajjem għarfien dwar din il-kundizzjoni, u ma setax jattendi għaċ-ċerimonja tal-premjijiet, l-MPE Mizzi xtaqet li xorta waħda tkun okkażjoni kemm jista’ jkun speċjali għalih. Għalhekk waqt Xarabank tal-bieraħ, li kellu l-għan li jiġbor il-fondi għat-tieni “Dar Bjorn”, Marlene Mizzi tat sorpriża lil Bjorn billi ppreżentatlu l-premju on-air biex tirringrazzjah personalment tal-ħidma, l-isforzi u d-determinazzjoni tiegħu biex jgħin lil ALS Malta.
“Xtaqt li Malta kollha turi l-apprezzament tagħha lejn din il-persuna straordinarja u kuntenta li ħidmietu ġiet rikonoxxuta kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali,” qalet l-MPE Mizzi.