“Il-ħajja hi magħmula minn sitwazzjonijiet diffiċli li rridu ngħaddu minnhom biex niksbu suċċess. Ovvjament il-politika mhix waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet u li niġġieldu ma’ xulxin dwar aħmar, blu, aħdar jew oranġjo mhix ‘worth it’ meta nistgħu ngħinu lil xulxin biex ngħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli, li bosta minna jkollu,” qal dan Bjorn Formosa, il-Fundatur ta’ ALS Malta, f’appell li kiteb fuq Facebook indirizzat lill-Gvern li se jkun qed jiġi elett fit-3 ta’ Ġunju. Dan hekk kif hu bħalissa jinsab l-isptar Mater Dei.
Sostna kif “ningħaqdu biex ngħinu fuq diversi kawżi, niġbru l-miljuni tul is-sena u vera niddejjaq nara n-nies jiġġieldu dwar il-parititi politiċi. Għalfejn insiru ma naħmlux lil xulxin minħabba elezzjoni?! Il-politika mhix dwar għajjat u ġlied. Hi dwar kif toħloq possibilitajiet ġodda għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur! U dak li qed nippruvaw nagħmlu, noħolqu possibilitajiet ġodda għan-nies fis-soċjetà fuq bażi volontarja mingħajr ebda interess personali jew qliegħ finanzjarju.”
Bjorn qal “aħna faħħarna lill-Gvern tal-appoġġ dwar id-dar tal-ALS lura f’Marzu iżda issa se nkun qed nisfida lill-Gvern kurrenti jew kwalinkwe partit li se jkun qed jiġi elett fit-3 ta’ Ġunju. Aħna bqajna naħdmu mingħajr waqfien għad-Dar u rnexxielna mhux biss noħolqu dar għall-pazjenti tal-ALS izda wkoll għall-pazjenti tal-MS, Huntington’s u bosta pazjenti oħra li jsofru minn kundizzjonijiet gravi newroloġiċi. Issa ninsabu f’pożizzjoni li ngħinu aktar persuni u nsalvaw aktar ħajjiet!”
Hu kompla billi qal “lil min se jkun fill-Gvern: Jekk jogħġbok estendi l-fond tal-manteniment annwali bħala sapport; dan sabiex mhux ikun biss għall-pazjenti tal-ALS iżda biex ikun ukoll għal KULL pazjent li jsofri minn kundizzjonijiet gravi newroloġiċi.”
Temm billi qal “int għandek din l-opportunità biex tagħmel liċ-ċittadini kburin bik. Ejja kollha kemm aħna nkunu attivi u pożittivi b’politika li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.”