Għalkemm mhux pajjiżna, imma s-sitwazzjoni fl-Italja tolqotna mill-qrib. Hawn min jgħid li r-riżultati tal-futbol Taljan l-aktar li jimpurtah. Jien naqa’ u nqum mir-riżultati, għax naħseb li negozju sar il-futbol.
Imma l-Gvern Taljan li jkun hemm jolqotna u kif. Nibda biex ngħid li hemm ċerta għira għal Malta f’dawn iż-żminijiet għax jafu li minkejja ċ-ċokon tagħna, ir-riżultati li nkisbu mill-2013, minn meta l-Moviment Laburista reġa’ ha l-gvern f’idejh, kienu bil-wisq aktar minn dawk li qatt joħolmu huma.
Saħansitra, Renzi li kien ħabib ta’ Joseph Muscat (għalkemm ma jaqblux fuq il-futbol) darba stqarr li Malta kienet aktar kapaċi minnu. Berlusconi qal l-istess, u semma’ li t-turiżmu f’pajjiżna dejjem sejjer ‘il quddiem. Il-Fatto Quotidiano m’ilux kien ġab artiklu ta’ waħda li ġiet Malta u kif sabet impjieg b’kundizzjonijiet li l-anqas biss toħlom bihom fl-Italja.
Kulħadd jiġbed għal xawwatu. Dawn kollha li semmejt, u ieħor li ma semmejtx, cioe` Matteo Salvini li nsemmi apparti, kollha kellhom dik in-nitfa għira għax xtaqu li pajjiżhom kien f’dik il-qagħda li tinsab Malta.
Salvini mar aktar minn għira. Ipprova jagħmel minn kollox biex iwaddab fuqna. Bl-aktar mod sfaċċat. Mhux biss fuq tal-imigranti, imma wkoll fuq il-kumpaniji li hawn registrati Malta. Mhux sempliċiment għira. Għira bażwija.
Għalhekk issa li tħawdu l-ħjut kollha tal-politika Taljan, nistenna bil-ħerqa ħalli nara x’bizzilla se tintiseġ. Mhux xi bizzilla li ddum, imma agħar minn dak li kellna f’dawn l-aħħar 14-il xahar ma jistax ikollna.