Żewġ uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi li ħebbew għal raġel nhar is-26 ta’ Ottubru li għadda.
Ivan Cassar ta’ 42 sena u Rene Antonelli ta’ 38 sena kienu identifikati wara li ttella’ filmat fuq il-midja soċjali li juri l-allegat abbuż.
Min-naħa tiegħu, l-allegat vittma – Anoob George Thomas, ta’ nazzjonalità Indjana – se jitressaq il-Qorti fuq l-akkużi ta’ sewqan perikoluż u li naqas milli jobdi l-ordnijiet li tawh iż-żewġ uffiċjali.
Fil-Qorti xehed ukoll ir-raġel li ġibed il-filmat. Huwa qal li l-allegat vittma ma rreżistiex, waqt li ra żewġ uffiċjali, li ħasibhom pulizija, iħebbu għalih.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-allegat vittma qal li meta ġie mwaqqaf mill-uffiċjali, huwa ħareġ mill-karozza b’dirgħajh mgħollija.
Hu stqarr li staqsa lil wieħed mill-uffiċjali dwar il-proċedura, u kien imġiegħel joqgħod mal-art, mbagħad ġie xi ħadd minn warajh u ħebb għalih.
Anoob George Thomas qal li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva għax oħtu kienet ċemplitlu u qaltlu li għandha bżonn l-għajnuna.
Huwa identifika lil Cassar bħala l-uffiċjal li kellmu u lil Antonelli bħala dak li ħebb għalih.
Xehdet ukoll oħtu tar-rispett, li qalet li kienet quddiem id-dar tagħha, meta rat lil ħu r-raġel jiġi msawwat.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġ uffiċjali jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.