Is-sitt persuni mixlija bis-serqa ta’ 132 kilogramma ta’ kannabis mill-barracks tal-Forzi Armati f’Ħal Safi tpoġġew taħt att ta’ akkuża wara li ġie determinat li hemm biżżejjed provi fil-konfront tagħhom biex jgħaddu ġuri.
Fil-Qorti, fl-awla tal-Maġistrat Elaine Rizzo, it-Tnejn filgħodu ssoktat il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Yousef Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar, l-aħwa Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 19-il sena, it-tnejn mill-Marsa, Liam Stewart ta’ 23 sena minn Tal-Pietà u Christa Gauci ta’ 21 sena mis-Sannat, Għawdex.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tas-sitt akkużati u argumentat li x-xhieda pajżana fil-konfront tal-akkużati xehdu kollha.
Minkejja dan, il-prosekuzzjoni ma qablitx, anke għax mhux id-droga kollha għadha nstabet u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. F’dan l-istadju, tenniet li mhux eskluż li jitressqu persuni oħrajn akkużati bil-każ.
L-Avukat difensur Franco Debono nsista li, dwar id-droga li għad fadal tinstab, jeħtieġ iwieġbu s-suldati u mhux jibqgħu ma jwiġbux. Iżda l-Maġistrat fakkret lid-difiża li dawn għandhom id-dritt għas-silenzju biex ma jinkriminawx lilhom infushom.
Waqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Liam Stewart, il-Maġistrat Rizzo informat lill-partijiet li deċiżjoni dwar il-ħamsa l-oħrajn se tagħtiha fil-jiem li ġejjin.
Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit, Matthew Xuereb u Amadeus Cachia.