Fi staġun tas-sajf li qed jitqies li se jkun wieħed tajjeb ħafna, saħanistra anke rekord, għas-settur turistiku f’pajjiżna, il-lukandi u ristoranti għandhom biżżejjed ħaddiema biex jilqgħu għal din id-domanda.
Żvela dan il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti l-MHRA, Tony Zahra, li spjega kif fl-aħħar snin, il-pandemija ħalliet impatt fuq dan is-settur, iżda grazzi għall-investiment b’saħħtu li sar, il-qasam Malti rkupra bis-saħħa ħafna.
Qal, “Max-xhur li għaddew is-sitwazzjoni bdiet sejra għall-aħjar u bħalissa nistgħu ngħidu qed nistabbilizzaw in-numru ta’ nies li jaħdmu fis-settur u allura għandna biżżejjed biex noperaw. Allura qed inħarsu lejn is-sitwazzjoni pożittiva.”
Dan is-sentiment jixhduh ukoll in-numri rekord ta’ wasliet ta’ turisti f’pajjiżna.
Tony Zahra kien pożittiv ukoll meta tkellem dwar x’qed jistennew bħala assoċjazzjoni għax-xhur li ġejjin.
Qal, “Din is-sena l-ewwel kwart diġa għaddejnih in-numru li kellna fl-istess żmien tat-2019 u allura konna pożittivi. Is-sajf għalina huwa minn Mejju sal-aħħar ta’ Lulju u jidher tajjeb ħafna.”
L-istess sentiment qasmu magħna l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li qalilna kif kollox jindika li t-tieni kwart ta’ din is-sena se jkun wieħed tajjeb ħafna għall-qasam turistiku f’pajjiżna.
“Wara li kellna l-ewwel l-aqwa kwart tas-sena fejn jidħol it-turiżmu din is-sena qed naraw li t-tieni kwart kien tajjeb ħafna wkoll u fil-ġimgħat li ġejjin nistennew li jkollna riżultati uffiċjali f’dan ir-rigward… L-ewwel indikazzjonijiet għax-xhur li ġejjin huwa li se jkun sajf tajjeb ħafna li ġejjin mill-linji tal-ajru u anke mill-aspettativi tal-lukandi fejn jidħlu l-bookings”
Ministru Clayton Bartolo
Ta’ min ifakkar kif fl-ewwel kwart tas-sena, waslu f’pajjiżna aktar minn erba’ mija u tlieta u erbgħin elf turist: żieda ta’ aktar minn erbgħa fil-mija meta mqabbel mal-elfejn u dsatax, li kienet sena rekord qabel ma faqqgħet il-pandemija.
Dan filwaqt li l-ispiża totali tat-turisti f’pajjiżna f’dan il-perjodu qabżet it-tliet mija u tnax-il miljun ewro: żieda ta’ kważi ħmistax fil-mija fuq l-elfejn u dsatax.