- 320 KAŻ ĠDID TA’ KANĊER FIS-SIDER KULL SENA U 80 KAŻ TA’ MEWT
Hemm min jibża’ jagħmel it-test għax jibża’ li jingħata aħbar ħażina. Din hi realtà li jiltaqgħu magħha dawk li jaħdmu fil-programm nazzjonali tal-iscreening. Biex tingħeleb din l-idea fil-bidu ta’ Ottubru tibda l-kampanja Pink October bil-għan li żżid iktar għarfien dwar il-marda tal-kanċer, u tħeġġeġ iktar nisa sabiex jieħdu kontroll tagħhom infushom.
Tkellimna ma’ Dr Stephanie Xuereb, Konsulenta fis-Saħħa Pubblika responsabbli għan-National Screening Programmes u l-Kirurgu John Agius.
Il-kanċer tas-sider huwa l-iktar kanċer komuni fin-nisa, u 33 fil-mija tal-kanċers kollha fin-nisa huma fis-sider. Sfortunatament kull sena jkun hemm madwar 80 każ ta’ mewt minħabba l-kanċer fis-sider. Kull sena naraw madwar 320 każ ġdid ta’ kanċer fin-nisa.
Il-Kirurgu Agius qalilna li l-kanċer tas-sider huwa rari ħafna fl-irġiel. Għal kull 100 mara li tiġi ddijanjostikata b’kanċer tas-sider, jiġi ddijanjostikat raġel wieħed. Dan ifisser li f’Malta jiġu ddijanjostikati tliet irġiel fis-sena.
Il-Programm Nazzjonali tal-Iscreening tas-sider huwa servizz iddedikat għall-Iscreening tas-sider għan-nisa. L-għan aħħari tal-Programm Nazzjonali tal-Iscreening tas-sider huwa li nipprovdu servizz ta’ screening tal-ogħla kwalità possibbli, f’konformità mal-linji gwida tal-UE, sabiex jinstab u jiġi kkurat il-kanċer tas-sider fl-iktar stadju bikri possibbli.
Fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Breast Screening ta’ kuljum isiru bejn 60 sa 100 mammogram. Minn meta twaqqaf dan il-Programm Nazzjonali fl-2009, iktar minn 120,000 mara ġew mistiedna għal dan it-test tas-sider. S’issa saru iktar minn 64,000 mammograms. Minn dawn ġew identifikati madwar 425 każ ta’ kanċer tas-sider, ħafna minnhom fi stadju bikri.
Il-Programm tal-Iscreening tas-sider huwa mmirat għan-nisa residenti f’Malta u f’Għawdex. Dan huwa servizz għan-nisa li huma b’saħħithom u mingħajr sintomi tal-kanċer tas-sider u li jagħrfu l-importanza li jagħmlu t-testijiet tal-iscreening regolari biex b’hekk ikomplu jieħdu ħsieb saħħithom. Il-Programm jipprovdi screening bla ħlas għan-nisa kollha f’Malta u f’Għawdex fl-età bejn il-50 u 67 sena.
Dr Xuereb qaltilna li għalkemm qabel in-nisa kienu jigu msejħa biex jagħmlu t-test tal-mammografija kull tliet snin, din is-sena rnexxielna nnaqqsu dan il-perjodu u mis-sena li ġejja n-nisa li jieħdu sehem f’dan il-programm ħa jibdew jissejħu għall-iscreening tas-sider kull sentejn, kif inhu rrakkomandat fil-linji gwida tal-Unjoni Ewropea.
Iżda qed ikun hemm nisa li jiddeċiedu li jinjoraw l-istedina taċ-Ċentru biex imorru jagħmlu l-mammogram. Fi kliem Dr Xuereb ħafna minnhom jibżgħu li se jsibu li għandhom kanċer. “Huwa normali li tinkwieta u anke tibża’. Biss m’għandekx tħalli dawn il-beżgħat iwaqqfuk milli tieħu ħsieb saħħtek. L-għan tal-iscreening huwa biex jekk hemm xi tibdiliet fis-sider li juri biduta’ kanċer, dan ikun jista’ jiġi kkurat fi stadju bikri fejn hemm iktar ċans li dan jitfejjaq u t-trattament jkun inqas aggressiv.”
It-test li jintuża għall-iscreening huwa l-mammogram, li huwa x-ray tas-sider. Il-vantaġġ tal-mammogram huwa li jista’ jsib tibdil żgħir fis-sider li xi drabi jfisser kanċer bikri li ma jkunx jista’ jinħass waqt eżami normali tas-sider. Dan ir-ritratt tas-sider jittieħed minn radjografi (nisa) fl-uffiċini tagħna ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iscreening tas-Sider, Numru 17, Xatt Lascaris, il-Belt, faċċata tad-Dwana. Kull darba li mara tattendi għall-iscreening tas-sider jittieħdu żewġ x-rays għal kull sider, wieħed minn fuq u l-ieħor mill-ġenb.
Ir-ritratt tal-mammogram jinqara indipendentament minn żewġ radjologi. Fil-maġġoranza tal-każijiet, ma jkunx hemm bżonn ta’ iktar testijiet u r-riżultat jintbagħat bil-posta u l-klijenta terġa’ tissejjaħ għal mammogram ieħor fi żmien sentejn. F’numru żgħir ta’ nisa, inqas minn wieħed fil-mija, ir-riżultat jista’ jindikali aktar testijiet bħall-ultrasound jew il-biopsy huma meħtieġa u l-persuna terġa’ tingħata appuntament ieħor biex tiġi fiċ-Ċentru għall-Iscreening tas-sider.
Jekk jiġi identifikat kanċer, il-persuna tiġi riferuta lill-multidisciplinary team ta’ Mater Dei Hospital li hu magħmul minn speċjalisti li għandhom x’jaqsmu mal-kura tal-mard tas-sider. Jinkludi fost l-oħrajn tobba, breast care nurses, fiżjoterapisti, radjoterapisti u psikologi. Dawn il-professjonisti jiltaqgħu regolarment u jiddiskutu l-każijiet kollha ta’ kanċer tas-sider u kif l-aħjar jiġi kkurat.
Ir-riskju tal-kanċer fis-sider jiżdied mal-età. Huwa rari f’nisa taħt il-35 sena u 8 minn 10 każijiet ta’ kanċer fis-sider (80%) jinstabu f’nisa li għandhom 50 sena u aktar. Skond studji li saru, il-ħxuna żejda, in-nuqqas ta’ eżerċizzju, l-alkoħol żejjed, it-tipjip u l-użu għal ħafna snin tal-hormone replacement therapy jistgħu jżidu r-riskju li jaqbdek il-kanċer tas-sider. Perċentwal żgħir tal-pazjenti ikollhom problema ġenetika li jkunu wirtu mill-ġenituri tagħom li żżidilhom ir-riskju li jkollhom xi tumuri fosthom fis-sider.
“Il-kura tista’ tinkludi operazzjoni, raġġi, chemotherapy u pillolili jaffettwaw l-ormoni. Mhux il-pazjenti kollha jkollhom bżonn dawn kollha, anzi kull każ huwa partikolari. Staff professjonali jagħti sapport lill-pazjenta u lill-għeżież tagħha kemm qabel, waqt u wara li tingħata l-kura u jipprova jgħin lill-pażjenti f’dak kollu li jkollhom bżonn. Il-maġġoranża tal-pazjenti li jkollhom kanċer tas-sider qatt ma jerġa’ jkollhom problemi wara li jispiċċaw il-kura, u dawk li jinfirxilhom il-kanċer jistgħu jgħixu għal ħafna snin.”
Il-kawża komuni tal-kanċer fis-sider li jintiret hija meta jkun hemm difett li jintiret fil-genes BRCA1 u BRCA2, speċjalment meta familjari fil-qrib, bħal ġenituri, tfal, jew aħwa jkollhom kanċer fis-sider. Ir-riskju huwa akbar meta l-kanċer jiżviluppa qabel il-menopawża u jkun preżenti fis-sider kollu. Jekk ikun hemm qarib maskili li jkollu kanċer fis-sider, dan ukoll iżid ir-riskju li mara jkollha kanċer fis-sider. Jekk għandek xi ħadd fil-familja li kellu kanċer fis-sider imma ta’ età avvanzata, hemm probabbiltà kbira li dan mhuwiex minħabba difett fil-ġenetika, u allura inti m’intix f’riskju akbar.
Tfajliet li jkunu saru xebbiet ta’ età żgħira (qabel 12-il sena) u/jew nisa li jgħaddu mill-menopawża ta’ età kbira (wara l-55 sena) għandhom riskju medju ta’ kanċer fis-sider. Nisa li qatt ma kellhom tfal jew li kellhom l-ewwel tarbija wara t-30 sena għandhom riskju medju ta’ kanċer fis-sider. Nisa li jieħdu l-hormone replacement therapy wara l-menopawża għandhom riskju akbar ta’ kanċer fis-sider.
Studji juru li nisa li jieħdu pilloli kontraċettivi għandhom riskjuta’ kanċer fis-sider naqra aktar minn dawk in-nisa li qatt ma ħadu dawn il-pilloli. Dan ir-riskju jidher li jinżel jekk jieqfu jieħdu dawn il-pilloli. Fil-fatt, nisa li jkunu waqfu jieħdu dawn il-pilloli aktar minn 10 snin qabel instabu li ma kellhomx riskju iktar min-normal li jiżviluppaw kanċer fis-sider.
Ċerti studji juru li t-treddigħ inaqqas ir-riskju tal-kanċer fis-sider, speċjalment jekk jitkompla sakemm it-tarbija jkollha minn sena u nofs sa sentejn.
“Naħseb li llum hemm iktar gharfien min-nies fuq din il-kundizzjoni u t-tabù assoċjat mal-kanċer qed jonqos. L-importanti huwa li t-testijiet isiru b’mod regolari u mhux ta’ darba.”
Il-linji gwida maħruġa mill-Unjoni Ewropea jirrikkmandaw screening kull sentejn għan-nisa kollha ta’ età bejn il-50 u l-74 sena. F’każijiet ta’ nisa b’riskju iktar għoli, screening ta’ età iżgħar minn 50 huwa wkoll irrakkomandat u wieħed għandu jieħu l-parir tat-tabib jew tal-ispeċjalista tiegħu skont il-każ.
Riċerka internazzjonali turi li screening regolari għall-kanċer tas-sider permezz tal-mammografija fin-nisa ta’ età bejn il-50 u d-69 sena, jista’ jnaqqas ir-rata tal-imwiet mill-kanċer tas-sider. Permezz ta’ screening regolari tas-sider jista’ jinstab il-kanċer kmieni jew jinstabu kundizzjonijiet li jekk ma jitneħħewx jistgħu jwasslu għall-kanċer. B’hekk il-kura tkun aktar effettiva u tibda aktar malajr, forsi qabel il-kanċer jilħaq jinfirex. L-iscreening jista’ jsalvalek ħajtek.