Smajna ħafna dwar il-lionfish, il-ħuta velenuża li fl-aħħar xhur dehret fl-ibħra Mediterranji. Għalkemm hi magħrufa li tgħix fil-Paċifiku Indjan, issa teżisti l-biżà li din l-ispeċi tibda tirriproduċi anke fl-ibħra Maltin.
Bijoloġisti jattribwixu il-firxa ta’ din l-ispeċi għall-fatt li t-temperatura tal-baħar dejjem qed tisħon u b’hekk din l-ispeċi qed tfittex ibħra oħra biex tgħix.
L-abilità li din l-ispeċi tibda timmultiplika anke fl-ibħra Maltin, hija l-ikbar tħassib tax-xjentisti hekk kif dan jista’ jwassal għal żbilanċ fid-diversità tal-ekosistema.
Dan meta jqisu li din il-ħuta għamlet ħafna ħsara fil-baħar Karibew u dak tal-Istati Uniti.
Studju ġdid imħejji fuq sensiela ta’ rapporti jixhed li l-lionfish ikkolonizzat ix-xlokk tal-kosta ta’ Ċipru, sorpriża meta tqis li dan kollu seħħ f’temp ta’ sena.
Studji oħra juru li din l-ispeċi intlemħet fil-Mediterran anke fl-1990, għalkemm dak iż-żmien qatt ma kien hemm biżà li l-bajd tal-ħut jista’ jfaqqas.
Oservazzjonijiet riċenti wrew iżda li kien hemm 24 par ta’ ħut li bejniethom jistgħu jirriproduċu.
Hija l-biżà ewlenija tax-xjentisti li din l-ispeċi tirriproduċi b’rata mgħaġġla u ssir ta’ detriment għall-ħut ieħor, minħabba l-karatteristiċi tagħha.
Hemm il-biżà li l-velenu tal-ħuta jibda jkun ta’ theddida għal ħut iehor, u b’hekk il-lionfish tibda tiddomina parti kbira mill-kosta Mediterranja.