Il-prodott lokali se jissaħħaħ filwaqt li l-konsumatur se jgawdi minn prodotti itjeb għas-saħħa.
Kien dan is-sentiment li qasam magħna l-koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, wara li l-Ħamis twettqet wegħda elettorali oħra bl-approvazzjoni ta’ tliet tipi ta’ pestiċidi organiċi ġodda li diġà bdew jintużaw f’ċerti pajjiżi membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Malcolm Borg spjega li din il-miżura se tkun ta’ sostenn għall-bdiewa Maltin u Għawdxin, u anke għall-konsumatur, li b’hekk issa se jkollu prodotti itjeb għas-saħħa.
Borg qal, “Dan se jwessa’ l-ammont ta’ prodotti li l-bdiewa kollha jistgħu jużaw, u għalhekk ix-xogħol tagħhom ikun iffaċilitat u mbagħad tissaħħaħ il-produzzjoni Maltija.”
Dawn il-proċeduri l-ġodda, li huma stabbiliti mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, tippermetti l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u se tgħin lill-bdiewa jużaw modi aktar sostenibbli meta jitrattaw il-pesti li jagħmlu ħsara lill-ħxejjex u l-frott.
Borg qal li, għal ħafna snin, il-bdiewa Maltin ma kellhomx l-istess mezzi bħall-bdiewa kompetituri tagħhom madwar l-Ewropa, u dan minħabba l-fatt li l-manufatturi tal-bexx kienu jiddeċiedu li ma jirreġistrawx il-prodotti tagħhom f’Malta minħabba li s-suq Malti huwa żgħir.
Huwa spjega li, bil-mekkaniżmu li tħabbar, instabet soluzzjoni għal din il-problema.
Borg stqarr, “Ilna ħafna nistennew soluzzjoni għal din il-problema, fejn il-bdiewa Maltin kienu jitkellmu ma’ bdiewa Taljani, fejn it-Taljani kienu jgħidulhom li għandhom erbat elef prodott biex jaħdmu u l-Maltin jgħidulhom li għandhom erba’ mija. Fl-aħħar se jkollna level playing field, fejn il-bidwi Malti se jkollu l-istess għodda biex jipproduċi u jikkompeti b’mod ġust.”