Minkejja ż-żieda fil-każijiet ta’ Coronavirus f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħa, Malta xorta baqgħet it-tieni pajjiż l-inqas milqut mill-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar jiem, il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea raw żieda fil-każijiet pożittivi u Malta ma kinitx eċċezzjoni, għalkemm in-numri f’pajjiżna telgħu l-aktar minħabba l-immigranti li kienu għadhom lanqas rifsu f’pajjiżna.
Ir-rata medja ta’ testijiet pożittivi fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar ġimgħa kienet ta’ tnejn punt wieħed fil-mija. F’pajjiżna, bil-każijiet tal-immigranti, ir-rata kienet ta’ wieħed punt ħamsa fil-mija, u jekk wieħed jeskludi l-każijiet tal-immigranti, ir-rata ta’ każijiet pożittivi f’Malta kienet ta’ żero punt sitta fil-mija.
Dawn iċ-ċifri juru li r-rata ta’ testijiet pożittivi f’Malta fl-aħħar ġimgħa hija inqas minn terz ta’ dik li skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għandha twassal għar-restrizzjonijiet.
Analiżi li saret għall-gazzetta “It-Torċa” uriet li kien f’ġurnata waħda biss mindu bdiet l-imxija, li f’Malta kien hawn rata ta’ testijiet pożittivi ta’ aktar minn ħamsa fil-mija. Dan kien fis-sebgħa ta’ April, meta kienu ttestjaw pożittivi sitta punt tlieta fil-mija ta’ dawk li għamlu t-test.
L-analiżi nnotat li anki fid-disgħa u għoxrin ta’ Lulju meta daħlet dgħajsa b’sitta u sittin immigrant li ttestjaw pożittivi, ir-rata ta’ infezzjonijiet ġodda ma qabżitx il-ħamsa fil-mija.
B’kuntrast, hemm numru ta’ pajjiżi Ewropej fejn ir-rata ta’ testijiet pożittivi qabżet il-linja gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fosthom Spanja u r-Rumanija.
Fl-istess ġimgħa, f’Malta żdiedu sew in-nies li marru jagħmlu test, tant li marru ekwivalenti ta’ tmintax, minn kull elf persuna, filwaqt li madwar l-Ewropa, il-medja kienet ta’ seba’ persuni.
L-analiżi tat-Torċa temmet tgħid li b’dawn in-numri fl-isfond, huwa ċar li pajjiżna għadu fost l-aqwa fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Coronavirus, u fakkret li l-każijiet l-aktar riċenti huma kolla ta’ età żgħira u jinsabu f’qagħda tajba.