Il-Partit Laburista nieda l-programm t’attivitajiet marbuta mal-festa ta’ Jum il-Ħaddiem f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Belt Valletta, li matulha tħabbar li t-tema magħżula għal din is-sena hija ‘Bix-Xogħol: il-Ġid għall-Maltin’.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Alex Agius Saliba tkellem dwar l-importanza ta’ din il-festa u sostna li kien il-Partit Laburista li dejjem tejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjiżna, billi daħħal bosta liġijiet importanti. Spjega kif l-ewwel darba li ġiet organizzata l-festa tal-1 ta’ Mejju kien fl-1923 u qal li għal xi żmien kienet tittella’ flimkien mal-General Workers’ Union.
Qal li Gvern Laburista baqa’ jaħdem favur il-ħaddiema u rrefera fost l-oħrajn għal xi kisbiet li saru matul dawn l-aħħar 12-il sena. Semma kif minn 8,000 persuna qegħda fl-2013, illum Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropeja. Qal ukoll li Gvern Laburista radd lura l-festi pubbliċi li kienu ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista.
Temm jgħid li għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri f’pajjiżi oħrajn ġirien tagħna, f’pajjiżna l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, mhix okkażjoni biex il-ħaddiema joħorġu jipprotestaw imma hija ċelebrazzjoni tal-kisbiet li saru f’dan il-qasam.
Il-President tal-Partit Laburista, Alex Sciberras qal li t-tema magħżula għal din is-sena ‘Bix-xogħol: il-Ġid għall-Maltin’ tfisser li x-xogħol jiġġenera l-ġid li mbagħad jitqassam b’ġustizzja fost in-nies, skont il-ħtiġijiet tagħhom.
Sostna li bi tħejjija għall-1 ta’ Mejju, il-Partit Laburista ser jorganizza diversi attivitajiet, fosthom programmi speċjali fuq ir-radju u t-televiżjoni, kif ukoll dokumentarju li se jkun qed jagħti ħarsa storika lejn din il-festa.
Dr Sciberras qal li l-Ħadd, 27 t’April, il-Prim Ministru se jmur jiltaqa’ man-nies fi tliet lokalitajiet u appella lin-nies biex jikkonkorru bi ħġarhom f’Raħal Ġdid, Ħal Qormi u r-Rabat, filwaqt li bejn it-28 t’April u t-30 t’April se jsiru għadd ta’ żjarat mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, f’diversi postijiet tax-xogħol.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħaq nhar l-1 ta’ Mejju b’mass meeting li se jsir fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Qabel il-mass meeting, il-banda tal-Partit Laburista se ddoqq minn ħdejn il-General Workers’ Union sa Pjazza Kastilja, fejn se jkun hemm diversi attrazzjonijiet għall-familja kollha.
Il-mass meeting se jkun indirizzat mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u miż-żewġ deputati mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba. Qabel u wara d-diskorsi se jittella’ spettaklu kbir ta’ mużika minn bosta artisti lokali u grupp internazzjonali bħala mistednin speċjali f’din l-attività.