Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Mdina se jniedi sensiela ta’ laqgħat dwar diversi temi li jkopru l-ambjent naturali Malti. Dawn se jibdew mill-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar li ġej. L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat huwa li tinħoloq diskussjoni dwar temi kontemporanji relatati ma’ l-ambjent naturali tal-gżejjer Maltin.
Il-laqgħat se jiffukaw fuq il-biodiversità ta’ dawn il-gżejjer u fuq sfidi ambjentali li qegħdin naffaċċjaw ta’ kuljum. Kull min jipparteċipa se jkun jista’ jsegwi sensiela ta’ dokumentarji oriġinali dwar temi varji u ta’ interess lokali li jinkludu l-flora u l-fawna, speċi aljeni kif ukoll dawk li ġew introdotti mill-bniedem, it-telf ta’ ambjenti naturali Maltin, u oħrajn.
Dawn id-dokumentarji, twal madwar nofs-siegħa, huma produzzjoni ta’ Richard Cachia Zammit (ASIO Enterprises) u John J. Borg, Kuratur Anzjan tal-Mużew Nazzjonali ta’ l-Istorja Naturali ġewwa l-Mdina. Fit-tmiem ta’ kull dokumentarju se jkun hemm diskussjoni dwar is-suġġett magħżul, li tkun akkumpanjata bi ftit xorb u ikel ħafif. L-ewwel laqgħa se tagħti ħarsa lejn l-ambjenti naturali Maltin, b’tagħrif u informazzjoni dwar uħud mill-ħlejjaq differenti li nsibu fl-ambjenti lokali; kemm pjanti kif ukoll annimali.
Il-laqgħat kollha se jibdew fis-18:30 ta’ filgħaxija u jispiċċaw fit-20:00. Id-dħul għalihom huwa b’xejn.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org