“Il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista ħa miżuri kbar u bla preċedent biex itaffi l-piż tal-inflazzjoni u jekk hemm xi ħadd li kien kontra tagħhom kienet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Fil-fatt li kieku sar kif riedet l-Oppożizzjoni, l-inflazzjoni kienet tirdoppja.”
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija hekk kif spjega li l-Gvern żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, b’investiment ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena, bil-għan li l-familji u n-negozji ma jkunux mgħobbija b’piżijiet li jħarbtulhom il-pjanijiet tagħhom. Dan għax l-istabbiltà f’dawn l-oqsma kruċjali tagħti serħan il-moħħ lill-familji. Li kieku ma ttiħdux dawn il-miżuri bla precedent, ir-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta kienet tirdoppja.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li l-ironija hi li l-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu, Bernard Grech, dejjem tkellmu kontra dawn il-miżuri tant li qalu għal darba, tnejn li l-għajnuna fil-prezzijiet tal-enerġija mhix sostenibbli. Saħansitra qalu li jekk jiżdiedu l-prezzijiet barra għandhom jiżdiedu hawn ukoll.
“Il-Gvern ma waqafx ma’ dawn u kompla jieħu miżuri li jwieżnu lill-familji. Fosthom billi daħħal mekkaniżmu ġdid kontra l-għoli tal-ħajja għall-iktar familji li kellhom bżonn, saħħaħ il-pensjonijiet, żied iċ-children’s allowance u tejjeb u firex l-in-work benefit. Kull darba li l-Gvern għen b’dawn il-miżuri, l-Oppożizzjoni akkużat li l-Gvern qed jixtri l-voti,” temm jgħid il-Partit Laburista