“Bit-tkabbir ekonomiku l-Gvern se’ jibqa’ jipproteġi u jgħin lin-nies.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista mxandra fuq l-istazzjon ONE, il-Ħadd filgħodu.
Dr Abela tenna kif l-ekonomija hija l-bażi ta’ kollox u bi tkabbir ekonomiku l-Gvern se jibqa’ jgħin lill-familji, lin-negozji, lill-pensjonanti, lill-ħaddiema u anke jara li jissaħħu setturi differenti, fosthom dak tas-saħħa, is-settur ambjentali, u dak tas-sigurtà.
Dwar it-tema kurrenti tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, il-Prim Ministru qal hekk.
“Bit-tkabbir ekonomiku jibqa’ jkollna l-muscle finanzjarju, biex nibqgħu ngħinu lin-nies fil-qasam tal-enerġija u tal-fjuwils, kif qed nagħmlu daqs ebda pajjiż ieħor. Ebda pajjiż mhux qed jagħti l-għajnuna li qed nagħtu aħna f’dan is-settur u qed naraw kif il-prezzijiet splodew barra minn pajjiżna u l-Gvern l-istrateġija tiegħu hawnhekk, kienet, għadha u se tibqa’ li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija u fjuwils stabbli.”
Hawnhekk huwa għamel referenza għall-qasam turistiku u kif dan kien kontributur għat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna. Dr Robert Abela rrefera wkoll għall-fondi ewropej rekord li ġab pajjiżna u l-importanza li dawn jintefqu skond kif pjanat favur futur mill-isbaħ għal Malta.
Mistoqsi dwar ir-riżultati pożittivi, fosthom il-konferma tal-aqwa rating minn Standard & Poor’s, il-Prim Ministru qal li l-iktar ħaġa importanti hi li dawn iservu biex il-Gvern jibqa’ jgħin lin-nies.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif f’mument ta’ pressjoni internazzjonali, għandna Gvern b’esperjenza ta’ tliet snin, u spjega kif dan jikkuntrasta ma’ Oppożizzjoni assenti fuq kull tema.
Dr. Abela ta kelma li Gvern Laburista mhux se jdur għall-politika tal-awsterità, hekk kif din iċċekken l-ekonomija u żżid l-qgħad.
“Il-pressjonijiet li hemm illum huma ħafna akbar meta kkumparat ma’ dakhinar u allura formula li ma ħadmitx f’Malta fl-2008/2009, warraba. Għalhekk imxejna b’mod kostanti mill-2020 ‘il quddiem kull meta kellna l-għawġ, użajna politika ekonomika progressiva li marret biex iżżomm l-ekonomija għaddejja b’mod u b’rittmu b’saħħtu. Dak li qed naraw, qed naraw tkabbir ekonomiku b’saħħtu mmens minkejja dawn il-pressjonijiet kollha.”
Ftit ġimgħat qabel jitħabbar il-Baġit għall-2023, il-Prim Ministru tenna kif l-istrateġija ewlenija tal-Gvern se tkun ibbażata fuq żewġ prinċipji; l-istabbilità u s-sostenibbilità.
Il-Prim Ministru qal kif l-istabbilità, se ssir permezz ta’ serħan il-moħħ, grazzi għall-miżuri f’waqthom li qed jieħu l-Gvern, u tenna li kull deċiżjoni trid tittieħed b’mod sostenibbli.
Fl-intervista l-Prim Ministru kkonferma li l-baġit li jmiss għal darb’oħra se jkun mingħajr l-introduzzjoni ta’ ebda taxxa ġdida. Dan b’kuntrast għal dak li kien imdorri bih il-poplu qabel l-2013.
“Infakkar fi żminijiet ferm aktar faċli qabel l-2013, fejn il-kelma Budget bla taxxi ġodda lanqas konna nafu x’inhi, anzi l-poplu kien ikun b’mod anzjuż, qed jistenna l-budget mhux biex jara l-Gvern x’se jagħti imma biex jara l-Gvern biex se jagħbbih iżjed.”
Dr Abela rrefera ukoll għall-miżura ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd li tidħol fis-seħħ mill-ewwel ta’ Ottubru.
“Nemmnu fl-importanza fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura, għal raġunijiet li nħallu aktar saħħa finanzjarja fil-but tan-nies, iġifieri nħallu aktar spending power fil-but tan-nies – b’din il-miżura inti qed tiffranka mal-€200 għal €300 fis-sena u fil-verita jista’ jkun għandek aktar minn hekk, imma imbgħad għandek it-tieni parti tal-miżura, il-promozzjoni ta’ trasport alternattiv.”
Intant, fi tmiem l-intervista, Robert Abela qal kif Gvern Laburista se jżomm kelmtu mal-poplu Malti u Għawdxi u jkompli jimplimenta l-miżuri.
Dan filwaqt li se jagħmel dak kollu possibli sabiex jibqa’ jipproteġi lin-nies.