Għall-maġġoranza tal-Maltin, il-karozza tagħhom hija biss vettura biex jivvjaġġaw, iżda għal persuni oħra, il-karozza hija għodda li biha jagħtu spettaklu.
Fost dawn in-nies hemm Clint Abela, wieħed mill-erba’ membri ta’ Team Maximum Lock, tim ta’ Maltin b’passjoni għal stunt driving.
Huwa tkellem ma’ dan l-istazzjon, fejn spjega kif l-istorja ta’ dan it-tim bdiet meta hu u tnejn minn sħabu kienu qed jaraw spettaklu ta’ dan it-tip f’Malta. Hawn huma tkellmu fuq din il-ħolma li dejjem kellhom biex jagħqdu tim, u wara l-ewwel spettaklu li għamlu f’Malta, iddeċidew li jtellgħu il-video tal-ispettaklu fuq YouTube.
Minn hemm, Abela qal li l-vjaġġ tagħhom kien bħal wieħed tal-films.
Qal, “Għamilna video li tellajna fuq YouTube, l-ewwel video li tellajna u ġejna kkuntattjati minn trakka fl-Ingilterra biex nagħmlu l-ewwel avveniment hemm. L-ewwel avveniment kien partikolari ħafna għax ovjament ma konniex preparati bħal m’aħna preparati llum, issa llum il-ġurnata ilna ħdax-il sena nsuqu flimkien.”
Clint spjega kif hu minn dejjem kien persuna introvert, iżda stqarr li meta jkun wara l-isteering waqt spettaklu, id-dinja tieqaf, u jiffoka biss fuq dak li hemm quddiemu.
Spjega, “Kif litteralment nagħfsu l-gas tinsa l-biża’, tinsa l-ħsibijiet kollha u tikkonċentra fuq l-ispettaklu, u morna fejn morna, nirringrazzjaw il-Bambin dejjem morna tajjeb ħafna.”
Huwa qalilna kif is-sena l-oħra, minkejja ċ-ċirkostanzi uniċi li għaddiet minnhom id-dinja, it-tim xorta waħda irnexxielu jtella’ spettaklu uniku, fejn jarawhom, kien hemm mas-sittin elf spettatur.
Qal, “Ġo dan l-ispettaklu jkun hemm ‘live action arena’ li ssir ġewwa b’dawl artifiċjali, bi ftit dawl jiġifieri diffiċli ħafna biex issuq ġo fiha, u diffiċli aktar biex tiġi invitat u tagħmel spettaklu hemm ġew, jiġifieri kien ta’ prestiġju kbir. Pero, għamilniha, dan sar fl-elfejn u għoxrin, għamilna tnax-il spettaklu u f’kull wieħed kien hemm ħamest elef ruħ spettatur u morna tajjeb ħafna.”
Tenna li wara dan l-ispettaklu, it-tim kiber b’persuna oħra, biex issa jikkonsisti f’erba’ xufiera u karozzi.
Clint għalaq b’appell lil kull min għandu ħolma li forsi tidher wisq kbira.
Qal, “Għal min forsi qed jarana hemm barra, nissuġġerilu li ma jaqta’ qalbu qatt, din kienet xi ħaġa kbira li għamilna, jiġifieri li għaqqadna tim biex xi darba nagħmlu l-ispettakli barra minn Malta, kienet diffiċli ħafna imma meta tippersisti tasal.”