M’hemmx dubju li l-vaċċin kontra l-Covid-19 għamel differenza kbira u permezz tiegħu għexna ferm eqreb in-normalità.
Hekk kiteb l-editur tal-ġurnal l-Orizzont bit-titlu ‘L-effettività tat-tilqim’.
F’editorjal fil-ħarġa tat-Tlieta, l-editur tal-Orizzont kiteb li bis-saħħa tal-vaċċin in-nies setgħu jmorru għax-xogħol, l-edukazzjoni baqgħet tingħata fil-klassijiet u stajna niddevertu billi nagħmlu affarijiet li nħobbu bħall-isport u t-teatru.
L-editur innota li vera kien hemm protokolli u limitazzjonijiet iżda fakkar li kien hemm żmien, qabel kellna l-vaċċin, li l-uniku soluzzjoni kienet li ningħalqu ġewwa.
L-editur ħeġġeġ favur it-teħid tal-vaċċin għal min anki għadu lanqas ħa l-ewwel dożi u appella biex dawk li għadhom qed jaħsbuha u ħadu l-ewwel dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19, issa jieħdu l-booster.
“L-istess esperti mediċi li jgħixu ħajjithom biex isalvaw il-ħajjiet iddikjaraw kemm il-darba l-importanza tat-tilqim, inkluż lit-tfal”, irrimarka l-editorjal.
L-editorjal żied jgħid li l-ikbar kontribut li nistgħu nagħtu biex immorru lejn in-normalità hi li nitlaqqmu u nieħdu l-booster.
Ingħad li x-xjenza turina li l-vaċċin hu element importanti.
L-editur imbagħad spjega kif minkejja n-numru kbir ta’ infezzjonijiet li kellna dan l-aħħar, anki riżultat tal-varjant Omicron, in-numru ta’ persuni f’qagħda kritika minħabba l-Covid-19, naqas.
Hawnhekk l-editur semma dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, li l-booster huwa s-soluzzjoni biex jonqsu ftit mir-restrizzjonijiet li għad għandna.
L-editur temm jgħid li wieħed jifhem li hawn min hu xettiku fuq it-tilqim iżda l-akbar prova tal-effettività tat-tilqim hi propju l-istatistika, li turik ċar li min tlaqqam, għalkemm jista’ jinfetta ruħu, jonqoslu sew ir-riskju li jispiċċa l-isptar minħabba l-Covid-19.