F’mass rally fil-Mosta, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ ċar li l-poplu għandu jkun kburi bid-deċiżjonijiet li ħa għax bis-saħħa tiegħu ttieħdu deċiżjonijiet li ġabu titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Fuq kollox kien bis-saħħa tal-fiduċja murija mill-poplu li aktar persuni jistgħu jiċċelebraw Jum l-Omm.
“Kien bis-saħħa tagħkom li tajna d-drittijiet ċivili ġodda. Kien bis-saħħa tagħkom li rdupjajna l-ekonomija. Il-poplu ngħidlu bis-saħħa tagħkom immodernizzajna lil dan il-pajjiż. Bis-saħħa tagħkom għinna lill-penzjonanti. Bis-saħħa tagħkom bnejna middle class ġdida. Bis-saħħa tagħkom li llum hawn mijiet ta’ persuni li jistgħu jiċċelebraw jum l-omm u nawgura lill-ommijiet kollha.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru nnota wkoll deċiżjoni li ttieħdet fil-laqgħa tal-Kabinett ta’ nhar it-Tlieta li għadda, biex jiġi estiż il-kunċett ta’ equal pay for equal work.
Fil-fatt fiż-żmien li ġej se jidħlu bidliet fil-liġi ħalli dak li jeżisti fis-settur pubbliku, isir ukoll fis-settur privat. Fejn xogħol li jsir fil-privat minn ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu b’mod ugwali bħal dawk il-ħaddiema mħaddma direttament fl-istess post tax-xogħol.
“Partit ta’ kulħadd li jsib is-soluzzjonijiet għall-ħaddiem u bi qbil, is-soluzzjonijiet insibuhom bi qbil ma’ min iħaddem. Hija dik l-armonija ekonomika u industrijali li ġab il-Partit Laburista kemm ilu jmexxi dan il-pajjiż.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Intant il-Prim Ministru aċċenna għal numru ta’ miżuri li ħa l-Gvern minkejja l-isfidi bla preċdent.
“Għandna ekonomija b’saħħitha u se jkollna ekonomija iktar b’saħħitha. Ħloqna eluf ta’ mpjiegi u se nibqgħu noħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità. Saħħaħna l-għajnuna fl-oqsma soċjali u ħa nsaħħuha aktar. Għax hekk nagħtu s-saħħa lill-Maltin.”
il-Prim Ministru Robert Abela