Kull sena f’pajjiżna jsir il-festival Agape li jikkommemora n-nawfraġju ta’ San Pawl permezz ta’ mużika sagra li tindaqq mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.
Din is-sena l-festival, li ħa jixxandar fuq it-televiżjoni fl-għaxra ta’ Frar, ħa jsir b’mod differenti mis-snin ta’ qabel minħabba l-pandemija u ma’ ONE News il-President tal-Fondazzjoni Paulus qal li din is-sena il-festival ħa jfakkar ix-xogħlijiet ta’ tliet personaġġi Maltin fl-anniversarju ta’ mewthom.
Dawn it-tliet personaġġi huma il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, il-Professur Pietru Pawl Saydon kif ukoll il-Professur tal-Malti, tant maħbub minn nies, Oliver Friggeri.
Il-President tal-Fondazzjoni Paulus, Mark Fenech Vella spjegalna li dawn it-tliet personaġġi ntgħażlu għaliex it-tlieta isemmu il-miġja ta’ San Pawl u xi elementi reliġjużi oħrajn fil-kitbiet tagħhom.
Stqarr li l-poeta nazzjonali jsemmi bil-ferħ lil missierna San Pawl.
Is-Sur Fenech Vella stqarr: “Jiġifieri Malta ssemmiet illi San Pawl fejjaq, dik li l-poplu Malti tagħtu identità u Dun Karm fis-sunetti tiegħu, kiteb madwar tnax, ħmistax-il sunett dwar il-miġja tan-nawfraġju ta’ San Pawl, illi l-Kristjaneżmu minn dak iż-żmien baqa’ jinfluwenza l-kultura u l-identità tan-nazzjon u għalhekk jixraq li niċċelebrawh.”
Żied jgħid ukoll li din is-sena il-mużika se tkun waħda kontemporanja li tappella għal kulħadd.
Fi żjara fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, José Herrera, qal li ma nistgħux nħarsu lejn il-folklor ta’ pajjiżna mingħajr ma nħarsu lejn l-element reliġjuż li sawwarna.
Il-Ministru Herrera sostna: “Allura San Pawl u l-kult ta’ San Pawl għandu sinifikat partikolari għall-poplu Malti u dawn l-affarjiet kollha jgħinu biex inkomplu nsaħħu l-identità tal-poplu tagħna.”