Permezz ta’ wirja konvinċenti, Birkirkara għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, biex b’hekk kisbu l-passaġġ għall-finali tal-Meridianbet FA Trophy, liema riżultat fisser ukoll li wara li tant kienu viċin li jirbħu l-Malta Premier, Floriana temmew dan l-istaġun mingħajr rebħ ta’ unuri.
Kienet partita kollox ma’ kollox bilanċjata, bi Floriana iżda jwettqu reazzjoni ottimali tard wisq fil-partita, fejn anke rnexxilehom inaqqsu l-marġni tal-iskor.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-player ta’ Floriana Dunstan Vella li kellu staġun mill-aqwa, ma ġiex utilizzat mill-bidu tal-partita, iżda daħal jilgħab fil-ftuħ tat-tieni taqsima fejn ħa post Jork Eblin Becerra, u ħa wkoll il-faxxa ta’ captain mingħand Jake Grech.
Birkirkara għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss żewġ minuti, ipprotestaw għall-penalty meta Maxuell Maia deher li allegatament twaqqa’ minn difensur avversarju fil-kaxxa iżda r-referee Slobodan Petrovic ħalla l-logħob għaddej.
Floriana wieġbu fil-11-il minuta meta Franklin Sasere kellu xuut mill-ewwel mill-viċin li ntemm ftit barra.
Fit-22 minuta Birkirkara reġgħu appellaw għall-penalty meta Nicholas James Agius deher li twaqqa’ minn player ta’ Floriana fil-kaxxa iżda r-referee Petrovic reġa’ ħalla l-logħob għaddej.
Birkirkara fetħu l-iskor tliet minuti wara meta wara li rċieva l-ballun minn cross pinġut ta’ Leandro Lautaro Lacunza, Maxuell Maia bir-ras provda l-assist lil PABLO LEONEL GAITAN li mill-viċin b’xutt mill-ewwel ma ħafirx.
Fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima Floriana tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Sasere kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin salvat mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara Giaciomo Volpe, mgħejjun mill-wieqfa, biex mir-rebound Jake Grech kellu t-tentatativ tiegħu devjat f’corner, bl-Istripes jeħilsuha ħafif.
Birkirkara ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fis-67 minuta meta l-iskorer prolifiku Brażiljan u l-aqwa skorer tal-Malta Premier bi 22 goal, MAXUELL MAIA, mid-distanza qabbeż il-ballun minn fuq kulħadd għal ġox-xibka bil-goalkeeper ta’ Floriana Christoffer Mafooumbi jinqabad barra minn postu, fit-tentattiv li jinterċetta kull periklu.
Fit-73 minuta, huma kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tielet goal meta freekick mill-isbaħ tal-ispeċjalista Maxuell Maia ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Mafoumbi.
Huma komplew jidettaw il-logħob u ħames minuti wara, iż-żagħżugħ Nicholas James Agius li kellu partita mill-aqwa, b’eleganza donnu kien player veteran impenja lil Mafoumbi li kien attent.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob Floriana naqsu l-marġni tal-iskor fil-81 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, is-sostitut Elvis Mashike Sukisa bir-ras għadda tajjeb lejn ALEXANDROS KOURO li venven xutt b’saħħtu mill-viċin li ntemm ġewwa, biex ta nifs ġdid lill-Greens.
Dan il-goal provda injezzjoni morali lil Floriana u minuta biss wara Matias Nicolas Garcia kien għoddu ġab l-iskor indaqs għalihom meta kellu x-xutt tiegħu mill-viċin salvat għal darba darbtejn minn Volpe.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Floriana u fit-82 minuta, freekick insidjuż minn pożizzjoni angulata ta’ Julain Gonzalo Gamarra għadda ftit għoli.
Iżda kienu Birkirkara li b’reżiljenza komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita, fost il-ferħ tal-players, staff u partitarji numerużi tagħhom.
Referee: Slobodan Petrovic