F’partita mill-aktar movimentata mimlija emozzjonijiet diversi u azzjonijiet diskuttibli, Birkirkara sfaw miżmuma fi draw diżappuntanti ta’ 1-1 minn Melita.
Għal Birkirkara beda mal-ewwel 11 għall-ewwel darba il-player ex Floriana Kemar Reid, waqt li għalihom iddebutta l-player Bulgaru Tomislav Papazov. Intant, għal Birkirkara ddebutta wkoll bejn il-lasti, il-goalkeeper Matthew Grech, li akkwistaw mingħand Zabbar SP proprju fil-jiem li għaddew, fejn huwa ħa post il-goalkeeper Taljan Giacomo Volpe fid-79 minuta. Leandro Lacunza kien sospiż għal stripes.
Birkirkara għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta MAXUELL MAIA approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża tal-player ta’ Melita, Kurt Bondin, avvanza tajjeb, dar mal-goalkeeper Pollakk, Andrzej Lubik, qabel tefa’ l-ballun f’lasta vojt fost il-ferħ tal-partitarji numerużi ta’ Birkirkara, biex b’hekk ikkonsolida postu fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers.
Iżda Melita ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u mal-kwarta logħob rebħu penalty meta Alessandro Coppola waqqa’ lill-player ta’ Melita fost protesti mill-aktar voċiferi tal-players, diriġenti u partitarji tal-Istripes hekk kif skonthom il-foul kien seħħ proprju barra l-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu ALAN BORG OLIVIER li permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Volpe, in-naħa opposta.
U f’botta u risposta żewġ minuti biss wara, Birkirkara kienu għoddhom reġgħu marru fil-vantaġġ meta daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta ta’ Kemar Reid stampat mal-mimduda, b’Melita jeħilsuha ħafif.
Man-nofsiegħa logħob Birkirkara reġgħu pprotestaw hekk kif goal ta’ Alex Satarianao wara xutt minn tarf il-kaxxa tħassar minħabba offside.
Il-partita kompliet tisbieħ fejn kulma jmur beda jirrenja ekwilibriju sħiħ bejn iż-żewġ timijiet u fis-36 minuta David Xuereb għal Melita kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali devjat f’corner minn difensur tal-Istripes.
Birkirkara reġgħu ipprotestaw għat-tielet darba fil-partita għall-goal imħassar minħabba offside fil-45 minuta meta wara li rċieva minn cross pinġut, Ignacio Manuel Morello, minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa iżda r-referee Matthew De Gabriele kien pront u ħassar dan il-goal.
Kien għad fadal x’naraw f’din l-ewwel taqsima ferm movimentata meta mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch Melita tilfu ċans tad-deheb li jaqilbu l-iskor favurihom meta Andres Carlos Penha Da Costa xeħet cross li sab lil Andres Sanchez Camilo li iżda wiċċ imb’wiċċ ma’ Volpe ra lil dan tal-aħħar isalva b’mod stupend.
Il-pressjoni kienet kollha fuq il-Karkariżi u fil-ftuħ tat-tieni taqsima, ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jerġgħu imorru fil-vantaġġ u fis-56 minuta freekick insidjuż ta’ Alessandro Coppola, intemm għoli.
Inkredibbli imma veru, fid-69 minuta, Birkirkara kellhom t-tielet goal imħassar minħabba offside fil-partita din id-darba meta l-ballun wasal għand Kemar Reid li avvanza tajjeb fil-kaxxa u kellu x-xutt tiegħu jintemm fir-rokna tax-xibka, iżda l-goal għal darb’oħra ma ġiex ikkonvalidad mir-referee Matthew De Gabriele.
Fl-74 minuta freekick ta’ Alex Satariano dejjem għall-Istripes għadda ftit għoli.
Huma tefgħu kollox fuq l-attakk u Melita bdew jiddefendu bi ħġarhom u erba’ minuti wara Alex Da Paixao Alves indirizza freekick għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, li ntemm barra, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Matthew Degabrielle
Plejer tal-Logħba: Maxuell Maia (Birkirkara FC)