Birkirkara sfaw miżmuma minn Gzira United fi draw ta’ 2-2, u dan meta l-Maroons lagħbu għal kważi t-tieni taqsima sħiħa bi player inqas.
Għal Gzira ddebuttaw il-players Diogo Barbsoa u Stefan Denic, waqt li l-goalkeeper Taljan Giulio Mangano iddebutta fil-Malta Premier wara li kien diġá lagħab fil-Meridianbet FA Trophy, fir-rebħa kbira ta’ 5-0 li l-Maroons kisbu kontra Gudja United.
Birkirkara għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fis-seba’ minuta rebħu penalty meta Montell Shaquill waqqa’ lil Ignacio Manuel Morello fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru inkariga ruħu Maxuell Maia li ra t-tentattiv tiegħu salvat f’corner bi bravura minn Mangano mgħejjun minn sieq il-wieqfa.
Ta’ nota huwa l-fatt li dan kien l-ewwel penalty fallut minn Maia matul dan l-istaġun.
Mill-corner li rriżulta mogħti minn Alex Da Paixao Alves, kien hemm taħwida fil-kaxxa, bil-ballun prattikament ħabat ma’ GISLAIN YIKPE li kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u ntemm ġewwa.
Iżda l-Istripes bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li fit-12-il minuta Gzira ġabu l-iskor indaqs meta xutt minn tarf il-kaxxa tal-captain Gabriel Bohrer Mentz ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe, biex mir-rebound LUIS CARLOS RIASCOS mill-viċin tefa’ gewwa.
Il-Maroons wieġbu fl-44 minuta meta Volpe ħareġ barra minn postu fit-tentattiv li jikklerja l-ballun, iżda pront kien Thaylor Aldama li seraqlu l-ballun qabel kellu t-tentattiv tiegħu salvat minn difensur ta’ Birkirkara.
Fil-51 minuta Gzira qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Enrico Pepe wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Madankollu, għalkemm bi player inqas, Gzira bdew jieħdu l-inizjattiva u fid-59 minuta, Lucas Macula kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu minn ġol-kaxxa li ntemm ftit għoli.
Iżda kulma jmur il-vantaġġ numeriku ta’ Birkirkara beda jħalli l-effett mixtieq u fit-68 minuta reġgħu marru fil-vantaġġ meta MAXUELL MAIA rċieva tajjeb mingħand is-sostitut Paul Mbong, li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground, u permezz ta’ xutt sabiħ minn ġol-kaxxa tefa’ wara Mangano, biex patta bis-sħiħ għall-iżball li wettaq fl-azzjoni tal-penalty kmieni fl-ewwel taqsima.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fid-79 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Mbong ġie salvat b’diffikultá minn Mangano b’siequ.
Gzira tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u rnexxielhom jagħmlu dan fis-87 minuta permezz ta’ xutt dijagonali fil-baxx ta’ LUCAS MACULA, wara li rċieva mingħand is-sostitut Kevin Tulimieri, li ntemm fir-rokna tax-xibka, bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-wieqfa qabel intemm ġewwa.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-partita, biż-żewġ timijiet jieħdu punt kull wieħed.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer ta’ Logħba: Maxuell Maia (Birkirkara FC)