Wara tliet telfiet konsekuttivi Birkirkara irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mosta bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal tant importanti għalihom jasal lejn tmiem l-ewwel taqsima mis-solitu Maxuell Maia.
Min-naħa l-oħra, din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Mosta, fejn fi tliet logħbiet sofrew xejn inqas minn seba’ goals u ma skorjaw l-ebda goal.
Birkirkara kellhom lil Alex Satariano u Tomislav Papzov sospiżi, iżda laqgħu lura lil Neil Micallef, Alessandro Coppola u Maxuell Maia minn sospensjoni. Min-naħa l-oħra, Mosta kellhom lill-player żagħżugħ Nathan Agius nieqes minħabba sospensjoni. Madankollu, għalihom irritorna l-player Prince Emmanuel Chibuzor wara li serva żewġ logħbiet sospensjoni.
Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu wara kwarta logħob meta xutt ta’ Prince Emmanuel Chibuzor għadda ftit għoli.
Birkirkara wieġbu ħames minuti wara meta xutt bid-dawra ta’ Maxuell Maia għadda ftit barra.
Mosta reġgħu ħolqu l-periklu fis-37 minuta meta freekick tal-ispeċjalista Clayton Failla għadda għoli.
L-Istripes kellhom ferħa bla temma fil-41 minuta meta Ignacio Manuel Morello mill-viċin tefa’ ġewwa iżda r-referee Glen Tonna kien pront u ħassar dan il-goal minħabba li ġġudika li l-istess player Taljan kien jinsab f’pożizzjoni ta’ offside.
Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda erba’ minuti wara eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima meta wara li rċieva minn cross fil-baxx, MAXUELL MAIA, minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa biex kompla jikkonsolida postu fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers b’21 goal.
Kien biss mas-siegħa logħob li waslet l-azzjoni sussegwenti denja ta’ nota fil-partita, b’Birkirkara jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Maxuell Maia intemmet għoli.
Huma komplew jiddetaw il-logħob u erba’ minuti wara rebħu penalty meta Shaun Dimech twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur ta’ Mosta. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-ispeċjalista Maxuell Maia li iżda ra lill-goalkeeper ta’ Mosta Jorgen Demba jsalva bi bravura.
Birkirkara komplew jippressaw u fl-74 minuta Paul Mbong kellu x-xutt tiegħu mill-viċin salvat għal darb’oħra minn Demba bi bravura, biex salva goal ċert.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Glen Tonna
Plejer tal-Logħba: Maxuell Maia (Birkirkara FC)