Birkirkara ddefendew it-titlu ta’ champions meta lbieraħ f’logħba deċiżiva huma għelbu lir-rivali tagħhom Hibernians 4 – 1 biex għamlu ċert mir-rebħ ta’ seba’ kampjonat fl-istorja tagħhom.
Dan kien l-ewwel kampjonat mirbuħ minn Melania Bajada bħala kowċ wara li ħadet f’idejha t-tmexxija tat-tim fil-bidu tal-istaġun. Bajada saret l-ewwel kowċ mara fl-istorja tal-futbol lokali li rebħet kampjonat bħala kowċ.
Kienet Stephania Farrugia li poġġiet lil Birkirkara fil-vantaġġ fil-25 minuta b’Gabriella Zahra eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima tagħmilhom 2 – 0.
Birkirkara baqgħu l-aħjar tim fil-grawnd u fit-tieni taqsima rnexxilhom jiskurjaw żewġ goals oħra grazzi għal Veronique Mifsud fil-60 u fil-73 minuta rispettivament.
Dorianne Thuema skorjat l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Hibernians fis-77 minuta.
Il-klassifika finali:-
Championship Pool: Birkirkara 49; Hibernians 45; Mġarr United 32; Raiders (Luxol) 28; Kirkop United 18; Tarxien Rainbows 8.
Relegation Pool: Swieqi United 22; Fgura United 11; Mosta 4.