Wara r-rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Zabbar SP, Birkirkara komplew jikkonvinċu u kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu l-isfida tar-rivali Hibernians bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima
Hibernians reġgħu kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Jurgen Degabriele u Lucas Caruana, minħabba li għadhom qed jirkupraw minn injury.
Kienu l-Pawlisti li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Alex Bruno da Silva għadda ftit barra.
Huma komplew jippressaw u fit-23 minuta l-awtur ta’ doppjetta fil-partita preċedenti kontra Mosta, Lucas Lapert Villela ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li għadda jħakkek mal-wieqfa.
Iżda kienu Birkirkara li kontra x-xejra tal-logħob fetħu l-iskor fis-37 minuta meta LEANDRO LAUTARO LACUNZA kellu xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Spanjol tal-Pawlisti, Pablo Nino Sanchez.
Huma komplew jippressaw u fit-42 minuta reġa’ kien Lacunza li għoddu rdoppja l-iskor għall-istripes meta kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata jaħbat mal-mimduda u mal-wieqfa, qabal ħabat ma’ Alex Da Paixao Alves u intemm barra, bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.
Fid-69 minuta Hibernians appellaw għall-penalty meta s-sostutyt Natha Felicio Carvalho deher li allegatament tqaqqa’ minn difensur avversarju fil-kaxxa, iżda r-referee Alex Johnson kien pront u wera l-karta safra lill-player Brażiljan tal-Pawlisti minħabba simulazzjoni.
Hibernians komplew jiddettaw il-logħob u fis-77 minuta u tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Lucas Lapert Villela kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin salvat f’corner minn fuq il-linja mid-difensur Taljan Alessandro Coppola b’rasu, biex salva goal ċert.
Huma komplew jattakkaw u tliet minuti wara reġgħu appellaw għall-penalty meta Dexter Xuereb deher li allegatament twaqqa’ fil-kaxxa minn player ta’ Birkirkara, iżda r-referee Alex Johnson reġa’ ħalla l-logħob għaddej.
U bħal fl-okkażjoni tal-ewwel goal, għal darb’oħra kontra x-xejra tal-logħob, kienu Birkirkara li ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fit-82 minuta meta GISLAIN YIKPE approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Kurt Shaw, avvanza tajjeb u b’eleganza u b’xamma kbira għall-goal tefa’ gewwa.
L-Istripes komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Leandro Lautaro Lacunza (Birkirkara FC)