F’atmosfera mill-isbaħ fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin, wara t-telfa sorprendenti ta’ 2-1 kontra Naxxar Lions, Birkirkara rritornaw għar-rebħ meta għelbu l-isfida ta’ Zabbar SP bl-iskor ta’ 3-0.
Madankollu, għalkemm l-Istripes ħarġu fuq in-naħa rebbieħa u għamlu dan b’mod konvinċenti, ta’ min wieħed ifaħħar il-wirja taż-Żabbarin, li komplew fejn ħallew fir-rebħa kbira ta’ 4-0 kontra l-ġirien Hibernians fil-jiem preċedenti u offrew oppożizzjoni denja lil Birkirkara fil-partita speċjalment fl-ewwel taqsima.
Kienu Zabbar li ħarġu fuq l-offenisva u fit-12-il minuta Brian Ariel Gambarte għadda tajjeb lejn Strahinja Jovancic li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-vicin tgħaddi għoli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara Stefan ilic kellu x-xutt bid-dawra tiegħu jintemm ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju ta’ Zabbar u fid-19-il minuta il-captain Brian Ariel Gambarte ittanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx kważi minn tarf il-kaxxa li ntemm ftit barra.
Iżda kontra x-xejra tal-logħob kienu Birkirkara li fetħu l-iskor fl-34 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Agustin Sandona kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata mill-goalkeeper żagħżaugħ ta’ Zabbar, Luca Camilleri, biex mir-rebound pront kien MAXUELL MAIA, li minn taħt il-lasta matter siequ u tefa’ ġewwa, biex kompla jikkonsolida postu fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers bi 17-il goal.
Proprju fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, Alessandro Coppola, għal Birkirkara, kellu freekick fil-baxx devjat f’corner mid-difiża ta’ Zabbar, fejn għal ftit ma ġiex kommess auto-goal sfortunat.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fil-50 minuta corner dirett ta’ Alex Da Paixao Alves kważi intemm ġewwa, b’ Felix Wallace Bonilha irriżulta bħala l-eroj għaż-Żabbarin hekk kif salva minn fuq il-linja fatali, biex salva goal ċert.
Birkirkara komplew jippressaw u mas-siegħa logħob rebħu penalty meta Luca Camilleri waqqa’ lil Maxuell Maia fil-kaxxa. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-ispeċjalista MAXUELL MAIA li permezz ta’ xutt b’saħħtu ma żbaljax, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali fil-partita u kompla jinkuruna staġun mill-aqwa għalih personali.
Fil-71 minuta huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta Alex Satariano għadda tajjeb lejn LAUTARO LEANDRO LACUNZA, li b’dahru lejn il-lasta, dar tajjeb u kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ideali jegħleb għal kollox lil Camilleri.
Sitt minuti wara Zabbar protestaw għall-penalty meta minn azzjoni ta’ freekick ta’ Gambarte, plejer ta’ Birkirkara deher li possibilment miss il-ballun b’idu fil-kaxxa, iżda r-referee Trustin Farrugia Cann ħalla l-logħob għaddej.
Birkirkara kellhom ċans jagħmluhom erbgħa fid-89 minuta meta freekick imdawwar ta’ Pablo Leonel Gaitan ġie salvat tajjeb minn Camilleri.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Maxuel Maia (Birkirkara FC)