Permezz ta’ wrja ta’ karattru, Birkirkara għelbu l-isfida ta’ Sliema Wanderers bl-iskor minimu ta’ 1-0, biex b’hekk komplew jikkonsolidaw posthom fil-quċċata tal-klassifika bi 19-il punt, fejn fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Floriana.
Fis-seba’ minuta il-coach ta’ Sliema, Paul Zammit, kien kostrett jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player internazzjonali Steve Pisani biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Sergio Filipe Ramos Da Silva.
Kien biss fit-32 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, b’Birkirkara jkunu huma li joħoqlu l-periklu meta xutt mill-ewwel mill-viċin ta’ Manuel Ignacio Morello ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper tal-Wanderers Kelvin Emeka Agu li salva bi bravura.
Huma komplew fuq l-offensiva u fl-40 minuta, Alex Satariano, b’insistenza u dinamiżmu kontinwu, avvanza tajjeb fil-kaxxa, b’eleganza qabbeż il-ballun minn fuq Emeka Agu iżda l-ballun intemm ftit għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Istripes u fil-45 minuta Lacunza għadda tajjeb lejn Maxuall Maia li min-naħa tiegħu serva fuq platt tal-fidda lil Paul Mbong li minn pożizzjoni angolata kellu l-konklużjoni tiegħu tintemm ftit barra.
Sliema wieġbu għall-ewwel darba sekondi biss wara meta xutt fil-baxx mid-distanza ta’ Wescley ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara, ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-51 minuta, fetħu l-iskor hekk kif minn azzjoni ta’ corner, Adam Magri Overend ipprova jtajjar il-ballun ‘il bogħod minn kull periklu iżda eventwalment ħabat ma’ ras ALESSANDRO COPPOLA qabel intemm ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Karkariżi.
Sliema wettqu reazzjoni tajba u fid-69 minuta, tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Cain Attard indirizza cross fid-direzzjoni ta’ Samuel Gomes Da Mata li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin imdawra f’corner b’mod spettakolari minn Volpe.
Huma tefgħu kollox fuq l-attakk u fid-90 minuta, cross-shot ta’ Adam Magri Overend minn pożizzjoni angolata minn ġol-kaxxa ntemm barra.
Iżda, Birkirkara komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Alessandro Coppola (Birkirkara FC)