Permezz ta’ wirja konviċnenti, Birkirkara għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima. B’hekk l-Istripes komplew ikabbru l-problemi ta’ Marsaxlokk, hekk kif ikkastigawhom għat-tielet telfa konsekuttiva minn daqstant logħbiet biex b’hekk huma għadhom ankrati fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr ebda punt.
Kienu Marsaxlokk li ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti meta xutt mid-distanza ta’ Yuri De Jesus Messias ġie salvat b’diffikultá minn mal-art mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara Giacomo Volpe.
Birkirkara wieġbu fit-13-il minuta meta Paul Mbong għadda tajjeb lejn Lautaro Leandro Lacunza li min-naħa tiegħu xeħet cross għan-nofs li sab lil Maxuell Maia li twaqqa’ proprju taħt il-lasta minn minn Lucas Lopez bir-referee Ishmael Barbara jordna penalty. Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess MAXUELL MAIA li permezz ta’ konklużjoni ċentrali tefa’ ġewwa, b’dan ikun il-ħames goal staġjonali tiegħu b’erbgħa minnhom jaslu proprju minn penalty biex b’hekk kompla jikkonsolida postu fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għal Marsaxlokk, fid-19-il minuta il-coach tagħhom Winston Muscat kellu jaffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ għalihom il-player li kkommetta l-penalty Lucas Lopez biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Enmy Manuel Pena Beltre.
Marsaxlokk tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fit-42 minuta meta Leandro Aguirre xeħet cross lejn Alex Gomes De Aguilar li min-naħa tiegħu għadda tajjeb lejn Patrick Nonato li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin joħroġ l-aħjar ta’ Volpe li salva bi bravura, biex salva goal ċert biex sat-tmiem l-ewwel taqsima l-iskor baqa dak ta’ 1 – 0.
Fil-ftuħ tat-tieni taqslma Birkirkara ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-51 minuta rduppjaw l-iskor permezz ta’ freekick fil-baxx tad-difensur Taljan ta’ statura twila ALESSANDRO COPPOLA li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Serb ta’ Marsaxlokk Marko Drobnjak, b’dan ikun l-ewwel goal għall-Istripes matul dan l-istaġun li ma ġiex skorjat minn Maxuell Maia.
Fil-71 minuta Marsaxlokk ipprotestaw għall-penalty meta Lautaro Leandro Lacunza deher li allegatament ġibed lil Leandro Aguirre fil-kaxxa, iżda r-referee Ishmael Barbara ħalla l-logħob għaddej.
L-Istripes wieġbu ħames minuti wara meta s-sostitut Shaun Dimech rebaħ ballun f’nofs il-ground, avvanza tajjeb iżda kellu x-xutt fil-baxx tiegħu mid-distanza jintemm barra.
Ix-Xlukkajri resqu viċin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor fis-77 minuta meta wara li rċieva minn freekick ta’ Leandro Aguirre, Patrick Nonato, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi mxellfa bi sbrixx f’corner minn difensur tal-Istripes.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-83 minuta Yuri De Jesus Messias kellu x-xutt tiegħu mid-distanza jiġi salvat minn mal-art minn Volpe.
Izda kienu Birkirkara li kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal fil-ħin miżjud meta s-sostitut Andrea Zammit ipprova jqabbeż il-ballun minn fuq Drobnjak iżda Enmy Manuel Pena Beltre kien pront u kklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Maxuel Maia (Birkirkara FC)