Partita li qed tqanqal interess kbir. Partita li se tkun qed tara grawnd mimli bin-nies, b’partitarji lebsin il-kuluri aħmar u iswed fuq naħa u l-aħmar u l-isfar fuq in-naħa l-oħra.
Interess liema bħalu għal-logħba tas-Sibt, f’dik li jaf tara l-Grawnd Nazzjonali f’Ta’ Qali mifqugħ, xi ħaġa li ilha s-snin ma sseħħ.
Iżda x’wassal għal din il-logħba.
Wara li ġie fi tmiemu l-Kampjonat Malti tal-futbol, it-360 Sports Malta Premier, sar magħruf li fl-ewwel rawnd ra lit-tim ta’ Floriana fl-ewwel post u Birkirkara spiċċaw fit-tieni post, filwaqt li fil-closing round, Sliema Wanderers ġew l-ewwel segwiti minn Ħamrun Spartans.
Il-Ħadd li għadda lagħbu Birkirkara kontra Sliema Wanderers, bit-tim Karkariż joħroġ rebbieħ fl-aħħar sekondi tal-logħba, wara li l-partita marret fil-ħin barrani, b’goal tat-top scorer tal-kampjonat Maxuell Maia.
L-għada, imbagħad, Ħamrun lagħbu kontra t-tim ta’ Floriana, bil-Ħamruniżi joħorġu b’rashom mgħollija wara l-għoti tal-penalties. L-eroj għal Ħamruniżi kien il-goalkeeper Henry Bonello, li spiċċa jsalva żewġ penalties.
Lejlet din il-finalissima bejn Hamrun u Birkirkara, iż-żewġ kowċis u captains rispettivi ta’ Ħamrun Spartans u Birkirkara indirizzaw lill-midja l-Ġimgħa filgħodu.
Il-coach ta’ Ħamrun Spartans, Winston Muscat, spjega li din il-partita hi waħda diffiċli. Sostna, li wara perjodu ħażin li kellhom Ħamrun, f’dan l-aħħar rawnd, kienu l-aktar konsisteni mit-timijiet kollha.
Dan anke grazzi tal-għaqda li kien hemm fit-tim, li dejjem lagħbu għall-arma tal-Ħamrun.
“M’għandix dubju, għax id-determinazzjoni li għandhom is-supporters Ħamruniżi hi waħda kbira u żgur li mhux se niddiżappuntaw. Nisperaw u nwegħduhom li se nagħmlu minn kollox biex ma niddiżappuntawx lilhom ukoll”
Winston Muscat, Coach Hamrun Spartans
Tal-istess fehma kien il-captain tat-tim ta’ Ħamrun, Steve Borg, li spjega l-importanza tal-konfront finali.
Min-naħa tiegħu, il-coach Taljan ta’ Birkirkara, Stefano De Angelis, spjega li, għalkemm ilu sena f’din il-kariga f’pajjiżna, ma jaħsibx li se jkun fil-finali faċli u l-partitarji se jkollhom rwol importanti ħafna.
“Għada, bħal dejjem, il-partitarji tagħna bħal dejjem se jkunu t-12-il plejer tagħna fil-grawnd. Din is-sena ssapportjawna f’tant logħbiet, fil-mumenti diffiċli kienu dejjem qrib. Allura nemmen li għada se jkunu wkoll dawk li se jagħmlu l-akbar differenza biex jagħtuna l-imbottatura f’dan il-konfront finali. U nittamaw li ġġibilna r-rebħa finali.”
Stefano De Angelis, Coach ta’ Birkirkara
Bħalu, l-captain ta’ Birkirkara, Alex Satariano, spjega li kemm għalih kif ukoll għall-bqija tal-plejers fl-iskwadra, il-finali t’għada hi l-ikbar logħba fil-ħajja tagħhom.
B’hekk kollox jinsab lest. Żewġ timijiet, iżda wieħed biss se jitla’ fuq il-pedestall tal-glorja.
L-aħħar daqqa ballun għall-istaġun, b’format differenti, li tana ħafna stejjer u issa wasal biex jagħti l-aktar waħda kruċjali – jiġifieri min se jkun ir-re tal-futbol Malti.