Birkirkara kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Gudja United, bil-goals għalihom jaslu proprju wieħed f’kull taqsima. Din kienet id-disa’ rebħa staġjonali għalihom. Kienet rebħa meritata għall-Istripes li ddominaw il-partita tul id-90 minuta. Madankollu, għalkemm diġá rassenjati li staġun ieħor se jkunu qed jilagħbu fiċ-Challenge League, ta’ min ifaħħar l-isforzi ta’ Gudja li offrew oppożizzjoni denja lill-Istripes għal diversi ħinijiet fil-partita.
Dan il-konfront irrapreżenta wkoll konfront bejn żewġ aħwa – Andrea Zammit għal Birkirkara li daħal jilgħab fis-67 minuta u Gianluca Zammit għal Gudja United li lagħab 83 minuta.
Birkirkara għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss minuta Andrei Ciolacu kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu minn taħt il-lasta jistampa mal-mimduda, b’Gudja jeħilsuha ħafif.
Gudja United wieġbu mal-kwarta logħob minn azzjoni ta’ freekick mogħti minn Matias Muchardi li kważi ħasad għal kollox lill-goalkeeper Pollakk tal-Istripes, Marcel Zapytowsky, isalva tajjeb mgħejjun mill-wieqfa, fejn din id-darba kienu Birkirkara li ħelsuha ħafif.
L-Istripes reġgħu ħolqu l-periklu fid-29 minuta permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Paul Mbong li ntemm għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Birkirkara u fl-34 minuta, rega’ kien Paul Mbong li ħoloq il-periklu meta din id-darba kellu x-xutt b’saħħtu fil-baxx tiegħu salvat bi bravura minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Gudja, James Pisani.
Azzjoni wara l-oħra l-isforzi tal-Istripes ġew fl-aħħar ippremjati meta fit-42 minuta, Alex Satariano kellu t-tentattiv tiegħu permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin jistampa mal-mimduda, biex mir-rebound, player ta’ Gudja ddevja l-ballun b’idu, bir-referee Daniel Portelli jkun pront u jordna penalty.
Mill-11-il metru nkariga ruħu l-ispeċjalista Andrei Ciolacu li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lill-goalkeeper Pisani n-naħa opposta, b’dan ikun il-11-il goal staġjonali għall-iskorer prolifiku Rumen.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, filwaqt li l-coach José Borg saħħaħ l-attakk tiegħu hekk kif daħħal jilgħab lis-sostutut Maxuell Maia minflok Kurt Zammit, l-Istripes, komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fil-50 minuta, Paul Mbong, kellu xutt minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra, b’Pisani megħlub għal kollox.
Huma rduppjaw l-iskor fl-64 minuta meta l-awtur tal-ewwel goal Andrei Ciolacu niżżel il-ballun lejn Manuell Maia li minn pożizzjoni ideali venven xutt li ma ħafirx.
Il-partita kompliet ikkaraterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bl-Istripes ikomplu jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Portelli
BOV Plejer tal-Logħba: Andrei Ciolacu (Birkirkara FC)