Kellhom ikunu żewġ goals fl-ewwel taqsima li taw rebħa meritata ta’ 2-0 lil Birkirkara fuq Mosta.
Birkirkara għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss tliet minuti permezz ta’ Andrei Ciolacu li permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ħasad għal kollox lill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-24 minuta, irduppjaw l-iskor meta Paul Mbong xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Simon Zibo li kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment minn Akpan, b‘Andrea Zammit bir-ras ikollu t-tentatttiv tiegħu salvat għal darb’oħra minn Akpan li iżda reġa’ ma żammx, biex mir-rebound, l-istess Andrea Zammit permezz ta’ azzjoni akrobatika mill-viċin tefa’ ġewwa.
Mosta wieġbu għall-ewwel darba fit-32 minuta meta Henry Nwoba kellu t-tentattiv tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm għoli. Il-Mostin komplew jippressaw u ħames minuti wara, il-captain Zachary Brincat kellu t-tentattiv tiegħu salvat minn mal-art mill-goalkeeper Pollakk ta’ Birkirkara, Marcel Zapytowsky.
Mas-siegħa logħob free-kick ta’ Tenebe għal Mosta u daqqa ta’ ras ta’ Aneni tgħaddi barra. Mosta mill-ġdid perikolużi fil-69 minuta meta Christian Nnaji kellu x-xutt mill-viċin tiegħu salvat tajjeb minn Zapytowski.
Sitt minuti mit-tmiem, kross ta’ Jake Vassallo għal Mosta bid-daqqa ta’ ras ta’ Nwoba tmur barra.
Birkirkara komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita biex b’hekk rebħu l-konfront 2 – 0.
Referee: Trustin Farrugia Cann
BOV Plejer tal-Logħba: Andrea Zammit (Birkirkara FC)