Permezz ta’ wirja konvinċenti, Birkirkara għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals għalihom jaslu fl-ewwel taqsima, biex b’hekk irritornaw għar-rebħ.
Floriana kellhom lill-goalkeeper Alexander Fillion sospiż, kif ukoll lil Carlo Zammit Lonardelli nieqes minħabba li qed jirkupra minn injury. Dan filwaqt li għalihom irritorna minn sospensjoni Oualid El Hasni. Min-naħa l-oħra, Birkirkra kellhom lil Shaun Dimech sospiż.
Kien biss fit-18-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, b’Birkirkara jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta xutt mid-distanza ta’ Alex Satariano ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Floriana Christoffer Mafoumbi, b’Alex da Paixao Alves jixħet cross għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Floriana wieġbu fid-29 minuta meta xutt sabiħ ta’ Matias Nicolas Garcia intemm għoli.
Iżda kienu Birkirkara li fetħu l-iskor fl-34 minuta meta Alex da Paixao Alves approfitta minn indeċiżjoni ta’ Floriana, għadda tajjeb lejn MAXUELL MAIA, li avvanza tajjeb fil-kaxxa u b‘eleganza tefa’ ġewwa, b’dan ikun l-20 tiegħu matul dan l-istaġun, biex kompla jikkonsolida postu fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif tliet minuti biss wara rduppjaw l-iskor meta l-awtur tal-ewwel goal Maxuell Maia għadda pass għan-nofs lejn il-captain ALEX SATARIANO li minn taħt il-lasta mingħajr pressjoni kompla għal ġewwa.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Floriana u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u jidħlu lura fil-logħba. Fl-54 minuta, xutt mid-distanza tas-sostitut Gabriel Sotomayor għadda barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-63 minuta, freekick tal-istess Sotomayor kien nieqes mill-preċiżjoni u mis-saħħa u ntemm ftit għoli.
Fis-67 minuta Birkirkara qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Ignacio Manuel Morello wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita, bit-tieni waħda jirċeviha wera daħla kerha fuq is-sostitut Jork Eblin Becerra.
Fis-77 minuta, Floriana resqu qrib ferm li jnaqqsu l-marġni tal-iskor meta Oualid El Hasni kellu daqqa ta’ ras mill-viċin salvata tajjeb mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Birkirkara spiċċaw jilagħbu b’disa’ players fil-ħin miżjud meta tkeċċa għalihom Volpe, bi Floriana jispiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom, Jose Fernando Junior Gomes, it-tnejn permezz ta’ karta ħamra diretta. Biex jiddefemdi l-lasti għal Birkirkara minflok Volpe, daħal jilgħab il-goalkeeper ta’ riserva, Matthew Grech.
L-Istripes komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Slobodan Petrvoic
Plejer tal-Logħba: Alex Satariano (Birkirkara FC)