Birkirkara xejn ma tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Balzan bl-iskor ta’ 3-0, bil-goals għalihom jaslu tnejn fl-ewwel taqsima u wieħed kmieni fit-tieni taqsima. L-Istripes impressjonaw bil-kbir tul id-90 minuta u ddominaw għal kollox lill-avversarji tagħhom li b’kuntrast għat-team immexxi mill-kowċ Giovanni Tedesco ħoloq azzjoni waħda biss denja ta’ nota.
B’hekk wara t-telfa diżappuntanti ta’ 2-0 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Mosta, Birkirkara, irritornaw għar-rebħ.
Birkirkara fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fl-10 minuta meta Yannick Yankam b’xutt fil-baxx tefa’ ġewwa u poġġa lill-stripes fil-vantaġġ.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-34 minuta rebħu penalty meta Triston Caruana waqqa’ lil Enmy Manuel Pena Beltre fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-iskorer prolifiku Rumen, Andrei Ciolacu, li ma żbaljax.
Balzan wieġbu għall-ewwel darba fit-43 minuta meta Leonardo Da Silva de Souza minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fis-47 minuta, għamluhom tlieta meta Andrei Ciolacu approfitta minn indeċiżjoni tad-difensur Momcilo Raso, seraq il-ballun, qabeż ukoll lill-goalkeeper ta’ Balzan Danilo Golovic li ħareġ barra minn postu fit-tentattiv li jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu, u tefa’ l-ballun f’lasta vojta, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Huma komplew jippressaw u fis-77 minuta, is-sostitut żagħżugħ Matteo Gambin kellu xutt angulat fil-baxx minn ġol-kaxxa li għadda ftit barra.
L-Istripes kopmlew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
BOV Plejer tal-Logħba: Andrei Ciolacu (Birkirkara)