Wara żewġ telfiet konsekuttivi bl-iskor identiku ta’ 2-0 kontra Marsaxlokk u Naxxar Lions, rebħa kienet imperattiva għal Birkirkara u hekk ġara meta huma ħasdu lil Hamrun Spartans u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0, b’żewġ goals minn tlieta jaslu fit-tieni taqsima.
Kienu l-Ispartans li ħarġu fuq l-offensiva u fit-tmien minuta, Roko Prsa xeħet cross lejn Uros Duranovic, li kellu t-tentattiv tiegħu mdawwar f’corner mid-difiża Karkariża. Huma komplew jippressaw u fl-20 minuta Uros Duranovic temm azzjoni personali permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa li ntemm għoli. Iżda kienu Birkirkara li fetħu l-iskor fil-25 minuta meta Simon Zibo għadda tajjeb lejn ADAILTON QUEIROZ DA SILVA li permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Taljan tal-Ispartans, Federico Marchetti.
Inkoraġġiti minn dan il-goal, huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u man-nofsiegħa logħob, Paul Mbong serva fuq platt tal-fidda lil Ali Diakite li permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa ħareġ l-aħjar ta’ Marchetti li salva tajjeb minn mal-art.
Żewġ minuti biss wara xutt fil-baxx tas-solitu Uros Duranovic għall-Ispartans ġie mblukkat tajjeb minn mal-art minn Zapytowski. Iżda fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, Hamrun spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għaihom il-player Ognjen Bjelicic wara li rċieva żewġ karti sofor fi spazju ta’ ftit sekondi.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fid-49 minuta, irdoppjaw l-iskor meta Alex Satariano xeħet cross għan-nofs b’Emerson Marcelina fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun tefa’ l-ballun fil-lasti tiegħu stess, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għal Hamrun, fil-75 minuta huma spiċċaw jilagħbu b’disa’ players, meta tkeċċa għalihaom Elionay Freitas Da Silva, hekk kif bħal Ognjen Bjelicic iktar qabel irċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Birkirkara approfittaw bis-sħiħ minn dan u erba’ minuti wara ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta MAXUELL MAIA approfitta minn indeċiżjoni bejn Juan Carlos Corbalan u Emerson Marecelina u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa.
Referee: Fyodor Zammit
BOV Plejer tal-Logħba: Adailton Queiroz de Jesus (Birkirkara FC)