F’semi-finali mill-isbaħ, u li pproduċiet xejn inqas minn seba’ goals, Birkirkara, kellhom jitħabtu biex b’mod drammatiku għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 4-3, biex b’hekk kisbu l-passaġġ għall-finali tal-IZIBET FA Trophy ta’ nhar il-Hadd li ġej fejn se jkunu qed jaffrontaw lil Marsaxlokk, b’din se tkun il-11-il finali fl-istorja għall-Istripes.
Kienet ukoll partita kemmxejn nervuża hekk kif ingħataw total ta’ tmien karti sofor … sitta għal Mosta u tnejn għal Birkirkara.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta u appellaw għall-penalty meta Jake Vassallo deher li allegatment waqqa’ lil Enzo Daniel Cabrera fil-kaxxa, iżda huwa deher li ħa l-ballun u mhux sieq il-player u b’hekk ir-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej u ammonnixxa lill-president ta’ Birkirkara, Michael Valencia, għall-protesti.
Huma komplew jippressaw u fit-28 minuta, xutt mill-ewwel minn ġol-kaxxa ta’ Paul Mbong għadda ftit għoli.
Mosta wieġbu fit-33 minuata meta xutt fil-baxx u mid-distanza ta’ Precious Tenebe ġie devjat minn difensur ta’ Birkirkara f’corner, liema devjazzjoni kważi qarrqet għal kollox bil-goalkeeper tal-Istripes, Amara Sylla.
Fis-36 minuta Birkirkara f’azzjoni eżemplari u studjata sew kellhom ferħa bla temma meta Alessandro Iorio xeħet cross fil-baxx li sab lil Enzo Daniel Cabrera li tefa’ l-ballun f’lasta vojta, iżda r-referee Philip Farrugia ħassar il-goal minħabba allegata pożizzjoni ta’ offside.
Fit-43 minuta, Birkirkara, meritatament fetħu l-iskor meta f’kontrattakk veloċi Alex Da Paixao Alves indirizza pass preċiż u meqjus lejn DENIS CUSTODIO RIBEIRO li antiċipa lil Rodriguez Ekani u minn taħt il-lasta spara l-ballun fix-xibka.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Istripes, komplew bl-istess ritmu tal-ewwel waħda u fil-50 minuta, Alex Da Paixao Alves kellu xutt minn ġol-kaxxa salvat minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Mosta, Ini Etim Akpan.
Huma komplew fuq l-offensiva u żewg minuti wara rduppjaw l-iskor meta l-ewwel Alex Da Paixao Alves kellu xutt ieħor imblukkat minn Akpan, biex mill-azzjoni li segwiet Alessandro Ioro għadda tajjeb lejn ENZO DANIEL CABRERA li b’daqqa ta’ ras preċiża xellef il-ballun għal ġewwa.
Iżda Mosta ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mmedjata u mas-siegħa logħob naqqsu l-marġni tal-iskor meta cross b’saħħtu ta’ Clayton Failla ġie devjat għal ġewwa bis-sieq mill-captain ta’ Birkirkara, Enrico Pepe, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.
Dan il-goal provda injezzjoni morali lill-Blues u erba’ minuti wara kienu għoddhom ġabu l-iskor indaqs meta l-captain Zachary Brincat kellu xutt b’saħħtu mid-distanza li kważi ħasad lil Amara Sylla li salva b’diffikultá.
Birkirkara wieġbu fil-71 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu bid-dawra minn anglu ftit diffiċli ta’ Paul Mbong li għadda ftit barra.
Il-partita kompliet tisbieħ u minuta biss wara Mosta ġabu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minna corner mogħti minn Christ Ememe, MICHAEL CHIDERA OKOH, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportune u żmarkat permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa u lill-partitarji numerużi ta’ Mosta f’delirju ta’ ferħ.
Fit-78 minuta, Birkirkara rebħu penalty meta Boubakary Diarra waqqa’ lil Yannick Yankam fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu ENZO DANIEL CABRERA li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ lil Akpan naħa u l-ballun in-naħa opposta.
Iżda l-partita kienet għadha ma ntemmitx hawn hekk kif fis-87 minuta, Mosta reġgħu ġabu l-iskor indaqs meta Clayton Failla indirizza cross preċiż lejn MICHAEL
CHIDERA OKOH, li permezz ta’ daqqa ta’ ras daqstant ieħor preċiża tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Madankollu, kellhom ikunu Birkirakara li jkollhom l-aħħar kelma fil-partita meta fil-ħin miżjud skorjaw il-goal tar-rebħa meta Osvado Iorio permezz ta’ throw-in twil għadda l-ballun lejn is-sostitut Andrei Ciolacu li min-naħa tiegħu xeħet cross fil-baxx lejn ENZO DANIEL CABRERA li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra hat-trick personali.
Referee: Philip Farrugia