L-ewwel kolleġġjata f’Malta qed tħabbrek biex tesponi l-patrimonju għani li għandha mal-pubbliku b’mużew li se jkun qed jiftaħ tieqa fuq l-istorja kulturali u reliġjuża f’Birkirkara.
Permezz ta’ dan il-mużew se jiġu esebiti wkoll dokumenti li jinsabu fl-arkivju tal-parroċċa bħall-bolla oriġinali tal-elf sitt mija u tletin li biha l-Papa Urbanu VIII waqqaf hawnhekk l-ewwel kolleġjata f’Malta.
Il-President tal-Għaqda tal-Ħbieb tat-Tempju Elenjan, Emmanuel Sammut spjega li dan il-mużew se jesebixxi l-istorja tal-Knisja billi se jkun hemm affarijiet li maż-żmien ma baqgħux jintużaw jew inbidlu; bħall-istatwi ta’ tnax-il appostlu.
Qal, “Hawn ukoll l-istatwi li oriġinarjament kienu fuq iċ-ċinta tal-Knisja ta’ Santa Liena, li nbidlu bejn wieħed u ieħor madwar is-sena elfejn, bejn l-1999 u s-sena 2000, u saru replika tagħhom. Minħabba li kienu inqerdu bit-temp, bil-ħsara li kellhom u jistgħu ikunu ta’ ħsara għan-nies u għall-bini nnifsu.”
Is-sur Sammut spjega li dan il-mużew li se jkun biswit il-Bażilika u se jiffoka fuq erba’ temi għal qalb il-Karkariżi li huma l-Knisja, l-istatwa ta’ Santa Liena, il-binja tal-Knisja u l-qanpiena l-kbira.
Emmanuel Sammut irringrazzja lill-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tal-investiment ta’ tletin elf ewro li għamlet fil-mużew biex dan jitlesta fl-inqas ħin possibli.
Huwa spjega li din l-għajnuna kienet kruċjali għaliex permezz tagħha qed isir arrangament fi dwal ta’ dan il-mużew, kif ukoll se tkun qed tiġi mpoġġija sistema speċjali biex tinbidel l-arja ġewwa l-mużew.
Spjega, “L-għajnuna mogħtija lilna mill-MTA dan l-aħħar kienet f’waqtha għaliex speċjalment bil-pandemija li konna waqajna lura u komplejna nissospendu, u bis-saħħa ta’ din l-għajnuna nisperaw li, fi żgur niftħu fil-viċin qrib.”