Se jkunu Birgu Boċċi Darts Club u Ħamrun Bayern li se jaffrontaw lil xulxin fil-finali tal-kampjonat tas-sajf tad-darts meta ħarġu rebbieħa fis-semifinali rispettiva tagħhom.
Ħamrun Bayern kellhom imorru għal-logħba tal-1001 sabiex għelbu l-isfida iebsa li tawhom Floriana Ajax wara li l-iskor kien dak ta’ 3-3. Eventwalment, il-Ħamruniżi kienu aktar preċiżi sabiex ħadu dak li riedu iġifieri l-kwalifikazzjoni għall-finali.
Birgu Boċċi Darts Club iddominaw il-konfront kontra l-organizzaturi Pawla Wolves u rebħulhom 6-0. Il-Ġirbin ħarġu aggressivi sa mill-bidu u bdew ikunu preċiżi fit-tefgħat tagħhom u dan tahom vantaġġ psikoloġiku li bih baqgħu għaddejjin jirbħu game wara l-oħra.
Il-finali bejn Birgu Boċċi Darts Club u Ħamrun Bayern se tintlagħab fl-20 ta’ Settembru fil-Laċċi Club taż-Żejtun u tibda fis-7.30pm.