Birdlife se tibda tamministra l-Park tas-Salini.
Ftit tal-ħin ilu kien iffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Birdlife, li se tkun mitluba tipprovdi pjan komprensiv biex ir-riserva ma tintużax biss għall-konservazzjoni iżda ssir destinazzjoni popolari mal-Maltin u t-turisti.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-proġett, iffinanzjat mill-Unjoni Eworpea, ilaħħaq seba’ miljun ewro.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-preżenza wkoll tal-Ministru Jose Herrera, intqal li l-qbil jista’ jkun meqjus storiku għall-Birdlife, hekk kif is-Salini se jkun l-akbar progett ta’ riserva naturali li se jieħdu ħsieb. Il-ftehim isegwi tnejn oħra simli fl-Għadira u s-Simar.
L-istorja tas-Salini tmur lura ghas-seklu sittax meta dak iż-żmien għall-Kavallieri, il-melħ kellu rwol importanti fil-ħajja tan-nies. Iżda, maltempata li kienet saret lura fl-2003 kienet wasslet għal ħsarat kbar, tant li dan ir-riserva sfat abbandunata. Fl-aħħar snin kien hemm każijiet li ntefa’ l-skart li rriżulta fi rwejjaħ insapportabli. F’dawn l-aħħar tliet snin dan il-progett ingħata spinta kbira.