BirdLife Malta ħarġet tikkundanna r-rave parties b’mużika għolja li sostniet li qed isiru b’mod regolari fil-Buskett, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena waqt il-passa tat-tajr tal-priża.
BirdLife Malta qalet li aktar kmieni llum ’l fuq minn sittin Astun Iswed (Black Kites) kienu osservati jfittxu kenn fl-inħawi biex isibu post fejn iqattgħu l-lejl. Dawn spiċċaw disturbati meta bdiet tindaqq mużika għolja bi tħejjija għal dak li jidher li hu party kbir li qed jiġi organizzat fiz-zona.
Fakkret li l-Buskett huwa parti min-netwerk ta’ siti protetti Natura 2000 u qed isir investiment bil-għan li tibqa’ tikber u titkattar aktar il- biodiversità f’dan il-post. Temmen li avvenimenti bħal dawn imorru għalkollox kontra l- ispirtu ta’ riserva naturali, u għalhekk ħeġġegt lill- Awtorità Maltija tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tinvestiga mill-ewwel dak li ġara llejla fil-Buskett u tittama li tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr għal din il-kwistjoni.