Għall-għaxar sena konsekuttiva, eluf ta’ nies imlew il-Fosos tal-Floriana għall-kunċert ta’ Joseph Calleja.
Miegħu kien hemm it-tenur Taljan Andrea Bocelli, li flimkien paxxew il-widna ta’ dawk kollha li attendew bil-vuċijiet tagħhom. Dan bis-sehem tal-Orkestra Filmarmonika Nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Sigmund Mifsud.
Għall-ewwel darba l-kantanta Maltija Ira Losco, żewġet il-vuċi tagħha ma’ ta’ Joseph Calleja, u kantat ukoll mat-tenur Taljan.
Fuq il-midja soċjali kitbet li għalkemm din il-mużika mhix mal-istil li normalment tkanta, din l-esperjenza hija xhieda tal-qawwa tal-mużika.
Fil-kunċert tas-Sibt ħadet sehem ukoll il-kantata rebbieħa ta’ Xfactor li rrapreżentat ukoll lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest, Michela Pace.
Saħħret lil dawk preżenti ukoll, il-kantanta żagħżugħa Nicole Frendo, u s-Sopran Gillian Zammit.
Il-kunċert ittella’ bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-turizmu; biċ-Chairman tal-Awtorità Gavin Gulia jikkonferma s-suċċess ta’ dan il-kunċert. Huwa qal: “Eċċellenti li kkontribwixxew għas-suċċess ta’din is-sena, li jidher li kien hemm aktar minn għaxart elef bħala attendenza, għalkemm l-istatika għada ma daħlitx, imma qed nikkalkulaw li kien hemm aktar minn 10,000 persuna.”
Il-baħar ta’ nies li kien hemm fuq il-Fosos, kantaw mar-ritmu tal-aqwa mużika tal-opri, anki ma’ dawk Taljani tat-tenur Andrea Bocelli – li minkejja li huwa nieqes mid-dawl, qatt ma jonqos li jsaħħar l-udjenzi.
Biex għal sena oħra, eluf ta’ Maltin u turisti gawdew atmosfera mill-isbaħ li ħolqu l-ilħna differenti frott talent lokali u internazzjonali.