Seba’ persuni – fosthom mara – qed jinżammu mill-Pulizija biex jgħinu f’investigazzjoni b’rabta ma’ sejba ta’ aktar minn seba’ mitt għasfur protett li allegatament ġew importati f’pajjiżna illegalment biex jinbiegħu.
F’operazzjoni konġunta bejn uffiċjali tal-Pulizija, u tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, fi tliet residenzi u farmhouse f’Ħal Kirkop, fil-Gudja u f’Ħal Safi, instabu mijiet ta’ għasafar protetti mejta allegatament importati illegalment lejn Malta.
Madwar 500 minn dawn l-għasafar instabu f’razzett f’Ħal Safi.
L-għasafar jinkludu pellikani, fjamingi, ċikonji u ajkli.
Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li allegatament, dawn l-għasafar ġew importati illegalment lejn Malta mis-Sudan u mill-Eġittu.
Huwa mifhum li l-maġġoranza tal-għasafar instabu lesti biex jinbiegħu għal skopijiet ta’ kollezzjoni, bil-valur tal-konsenja huwa stmat li jiswa’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Tliet persuni minn dawk arrestati huma minn Ħal Kirkop, u diġà huma magħrufa mal-awtoritajiet b’rabta ma’ kazijiet simili fil-passat, li għalihom affaċċjaw il-ġustizzja u nstabu ħatja.
Is-seba’ persuni miżmuma mill-Pulizija mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.